Tmut l-ewwel persuna fl-Ingilterra bil-coronavirus

Coronavirus
REUTERS/Thomas Peter

Fl-Ingilterra mietet l-ewwel persuna bil-coronavirus, li kellha mard ieħor qabel ma ġiet infettata bil-virus.

Il-vittma kellha 70 sena u kienet minn Reading. Ġurnali Ingliżi rrappurtaw li ilha dieħla u ħierġa l-isptar minħabba kundizzjoni li kienet issofri minnha apparti l-virus.

Dawk infettati fir-Renju Unit huma 115-il persuna. L-awtoritajiet tas-saħħa ma jafux kif tmienja minnhom ġew infettati, peress li dawn ma kinux imsefrin. 25 każ minnhom huma f’Londra. Ġew ittestjati 18,083 persuna.

Kelliem għall-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li l-virus aktarx se jinfirex ħafna fir-Renju Unit.