Tmut l-attriċi u kantanta Diahann Carroll; kellha 84 sena

L-attriċi Diahann Carroll li ħafna jafuha għall-parti ta’ Domenique li nterpretat fis-sensiela tas-Snin 80 Dynasty mietet il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru fl-età ta’ 84 sena.

L-attriċi mietet fid-dar tagħha wara li tilfet il-ġlieda mal-kanċer.

Carroll ma’ ħadmitx biss f’Dynasty. Tul il-karriera tagħha rebħet it-Tony Award bħala l-Aqwa Attriċi għall-interpretazzjoni tagħha fil-musical No Strings li ttella’ fi Broadway.

Hija rebħet ukoll il-Golden Globe bħala l-Aqwa Attriċi għall-parti tagħha fis-sensiela Julia tal-1968.

Fl-1974 hija kienet nominata għall-Oscar bħala l-Aqwa Attriċi fil-film Claudine.

Hija kienet ukoll kantanta u ħarġet 14-il album bejn l-1957 u l-1997.

Fost il-films li Carroll ħadmet għaċ-ċinema nsibu Carmen Jones (1954), Porgy and Bess (1959), Hurry Sundown (1967) u Eve’s Bajou (1997). L-aħħar film li ħadmet fih kien The Masked Saint (2015).

Il-karattru tagħha ta’ Domenique Deveraux, oħt Blake Carrington, hu wieħed ikoniku fis-sensiela Dynasty, u fir-reboot li qed jixxandar bħalissa qed jiġi nterpretat minn Michael Michele li fuq il-mezzi soċjali sellmet il-memorja tal-attriċi li oriġinat il-karattru li hija qiegħda tinterpreta llum il-ġurnata.

Diahann Carroll kienet iżżewġet 4 darbiet u kienet omm ta’ waħda, Suzanne Kay Bamford.