Tmut l-attriċi Patricia Millardet ta’ Il Bello delle Donne

Ilbieraħ tard wara nofsinhar tħabbret il-mewt tal-attriċi Patricia Millardet fl-età ta’ 63 sena. Huwa rrappurtat li hija mietet wara li sofriet attakk f’qalbha.

L-attriċi li twieldet f’Mont-de-Marsan fi Franza nhar l-24 ta’ Marzu 1957, hija kisbet suċċess f’bosta produzzjonijiet Taljani, fosthom fil-karattru ta’ Silvia Conte f’ħames staġuni mis-sensiela La Piovra.

Hemm min jiftakarha wkoll fis-sensiela Il Bello Delle Donne, fejn għal 18-il puntata interpretat il-karattru ta’ Angela ‘Angelina’ Brusa.

Eva Grimaldi, Antonella Ponziani, Patricia Millardet u Giuliana De Sio f’Il Bello delle Donne (2001)

Apparti dawn il-produzzjonijiet hija ħadet f’numru kbir ta’ produzzjonijiet Franċiżi fosthom anki kellha parti fil-film Il Tempo delle Miele (1982).

Fl-Italja kienet iddebuttat fl-1987 f’Assicurazione sulla Morte. Madanakollu l-iktar parti li baqgħet tissemma’ għaliha kienet proprju dik fis-sensiela La Piovra.

Matul is-snin ħadmet ukoll f’films ma’ Isabel Russinova, Giancarlo Giannini, Massimo Ranieri u Corinne Clery.