Tmut l-attriċi Olivia de Havilland; kellha 104 snin

Tħabbret il-mewt tal-attriċi Olivia de Havilland fl-eta ta’ 104 snin. Hija mietet f’Pariġi, fi Franza, fejn kienet ilha tgħix sa mill-1960.

B’karriera ta’ aktar minn 50 sena fil-films, de havilland kienet rebħet l-Oscar darbtejn, fl-1946 għal To Each His Own u The Heiress tal-1949. Minkejja dawn iż-żewġ unuri, hi baqgħet popolari għall-interpretazzjoni tagħha fil-film klassiku Gone With The Wind tal-1939, li għalih kienet nominata għall-OScar iżda ma rebħitus.

B’kollox, fil-karriera tagħha, hija kienet nominata ħames darbiet għall-Oscar.

L-attriċi kienet ukoll magħrufa għar-relazzjoni xejn pjaċevoli ma’ oħtha, l-attriċi Joan Fontaine.

Olivia de Havilland kienet twieldet f’Tokyo fl-1916 u ftit wara marret tgħix f’California, fl-Istati Uniti, flimkien mal-familja tagħha.

L-ewwel parti li ksibitilha għarfien internazzjonali kien fil-film Captain Blood, li fih kien ħa sehem ukoll l-attur Errol Flynn.

Kelliema għall-attriċi qalu li hija mietet b’kawża naturali.