Tmut l-attriċi Betty Bobbitt ta’ Prisoner Cell Block H

Tħabbret il-mewt tal-attriċi Amerikana / Awstraljana Betty Bobbitt li hawn Malta bosta jiftakru fil-karattru ta’ Judy Bryant fis-soap opera popolari Prisoner Cell Block H li kienet tixxandar fuq TVM u aktar tard fuq One. Hija kellha 81 sena.

L-attriċi mietet fi sptar fl-Awstralja fejn kienet ilha għal dawn l-aħħar ħamest ijiem wara li sofriet minn puplesija.

Apparti s-sehem tagħha fis-sensiela Prisoner Cell Block H, Bobbitt ħadmet f’numru ta’ sensiliet popolari oħra bħal Blue Heelers, A Country Practice u All Saints, kif ukoll il-film Crocodile Dundee.

Bobbitt kienet twieldet f’Manhattan fl-Istati Uniti fl-1939. Fl-1962 marret għal sitt xhur fl-Awstralja u baqgħet hemm.

Meta avviċinawha għas-sensiela Prisoner Cell Block H hija kellha taħdem fiha għal 13-il ġimgħa u minflok dehret f’430 puntata.

Betty Bobbitt kif kienet tidher fl-aħħar snin ta’ ħajjitha

Strieħ fis-sliem!