Tmut Joyce Guillaumier; kellha 75 sena

Mietet ix-xandara Joyce Guillaumier fl-etá ta’ 75 sena. Hija twieldet nhar l-14 ta’ Settembru 1944.

Joyce kienet bdiet il-karriera mat-twaqqif ta’ Radju Malta mill-Awtoritá tax-Xandir fl-1973. L-ewwel programmi li tellgħet kienu programmi ta’ siegħa ‘l wieħed dwar mużika klassika li li kienu jixxandru dirett. Baqgħet għaddejja għal snin twal tippreżenta programmi ta’ dawn it-tip fuq Radju Malta, Radju Malta 2, Radju Bronja, One u Campus FM.

Fuq dan tal-aħħar hija ppreżentat għal snin twal il-programm kulturali Priżma kif ukoll ipproduċiet diversi sensiliet mużikali. Campus FM kien fost l-ewwel li llejla sellem il-memorja ta’ Joyce Guillaumier.

Fl-1984 Joyce kienet ingħaqdet mat-taqsima Xandir Edukattiv u għal snin twal ħadmet bħala għalliema u producer mad-diviżjoni tal-MEBC.

Joyce kienet ukoll għalliema tal-Ingliż fl-iskola sekondarja Adelaide Cini tal-Ħamrun.

Tul is-snin Joyce Guillaumier tat is-sehem tagħha fuq it-televiżjoni bi programmi bħal Welcome to Malta u Mhux Għan-Nisa Biss!

Fl-2015 Joyce Guillaumier ġiet ippreżentat bl-unur tal-ordni nazzjonali tal-mertu mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro-Preca.

Joyce Guillaumier kienet ukoll chairperson tal-Kumitat għall-Festi Nazzjonali.

Joyce kienet miżżewġa lil Josie, li miet bosta snin qabel u kienet omm ta’ żewġ subien, Jeremy u Jean Paul.

Ritratt: Il-messaġġ ta’ Jeremy, it-tifel ta’ Joyce, proprju ftit tal-ħin wara li ħallietna.

L-Għaqda Mużikali Marija Assunta Gudja A.D. 1919 ukoll sellmet il-memorja ta’ Joyce Guillaumier, li għal snin twal kienet tippreżentalhom il-programmi annwali tal-banda.

Ritratt: Facebook/Ghaqda Muzikali Marija Assunta Gudja A.D. 1919

Fost il-personalitajiet li kienu minn tal-ewwel biex isellmu l-memorja ta’ Joyce Guillaumier kien hemm l-attur u awtur Ivan DeBattista.

Ritratt: Fcaebook/IvanDeBattista

Strieħ fis-sliem u grazzi tal-kontribut tiegħek lill-qasam tax-xandir u dak kulturali ta’ pajjiżna.