Tmut it-tfajla ta’ 15-il sena li ttajjret fil-Birgu

Matul dan il-lejl mietet it-tfajla ta’ 15-il sena li nhar is-Sibt li għadda ttajjret minn karozza fil-Birgu.

L-inċident seħħ meta t-tfajla kienet qed taqsam fi Triq il-Kottonera, qrib il-Kumpless Sportiv.  Magħha kien hemm ukoll ħuwha li weġġa’ ħafif.

It-tfajla kellha tittieħed mill-ewwel Mater Dei għaliex kienet fil-periklu tal-mewt.

Is-Sibt ukoll, imma waranofsinhar, raġel ta’ 55 sena mill-Mosta tilef ħajtu f’Ħal Luqa wara ħabta ma’ karozza oħra fi Triq l-Imgieret.

Ir-raġel miet fuq il-post u biex jinħareġ mill-vann li nqaleb u ġie fuq is-saqaf,kellhom jissejjħu ħaddiema mill-Protezzjoni Ċivili li qattgħu l-vettura.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hemm minn tal-inqas żewġ każi oħra ta’ inċidenti tat-traffiku. Nhar il-Ġimgħa, ċiklist ittajjar minn karozza waqt li kien qed isuq ir-rota fi Triq Depiro f’Tas-Sliema.

Mara mill-Birgu ttajjret ukoll minn karozza waqt li kienet qed taqsam fi Triq l-Imdina f’Ħ’Attard.