Tmut it-tarbija li ttajret bil-pram b’kollox f’Melbourne

Mietet it-tarbija ta’ tliet xhur li kienet fil-pram meta żagħżugħ saq għal fuqha f’Melbourne.
Ilbieraħ żagħżugħ ta’ 26 sena, magħruf sew mal-Pulizija, baqa’ dieħel fin-nies li kienu miexja f’Bourke Street Mall, f’żona kummerċjali magħrufa tal-belt Awstraljana.
Apparti din it-tarbija mietu żewġ persuni oħra u tifla ta’ għaxar snin.
Fost dawk li għadhom qed jiġġieldu għal ħajjithom hemm ukoll omm din it-tifla u oħtha li għandha disa’ snin.
Minn tal-inqas 20 persuna oħra weġġgħu bil-Kummissarju tal-Pulizija jgħid mal-midja li tnejn minnhom jinsabu f’qagħda kritika.
Iż-żagħżugħ ġie arrestat wara li ġew sparati tiri lejn il-karozza, wieħed minnhom jolqtu f’idu.