Tmut is-sopran Marie Therese Vassallo

Mietet fl-etá ta’ 71 sena is-sopran Marie Therese Vassallo. Hija kienet magħrufa fl-aħħar snin għas-sehem kontinwu tagħha fl-organizzazzjoni tal-kunċerti tal-Malta Cultural Institute Foundation.

Marie Therese studjat il-kant, il-kitarra u l-vjolin ma’ missierha, Mro Frank Vassallo u l-karriera tagħha tinkludi sensiela twila ta’ suċċessi fl-opra, oratorji u kunċerti, fejn interpretat sensiela twila ta’ suċċessi fl-opra, oratorji u kunċerti fejn interpretat partijiet prinċipali kemm ta’ sopran kif ukoll mezzo-sopran.

Marie Therese siefret lejn ħafna pajjiżi u kisbet suċċessi kbar. Fost l-ewwel suċċessi tagħha nsibu il-Festival Del Volcano d’Oro li hi rebħet darbtejn, darba bħala kantanta u darb’oħra bħala awtriċi.

Ta’ 17-il sena Vassallo kienet l-iżgħar tfajla aċċettata bħala provisional member fil-Performing Right Society ta’ Londra, fejn aktar il-quddiem tellgħuha għal associate member.

Ir-repertorju tagħha jinkludi xogħlijiet kbar bħal Stabat Mater ta’ Dvorjak, il-Paulus ta’ Mendelssohn, il-Messa di Requiem ta’ Verdi u t-Te Deum ta’ Brucker.

Hija kienet ukoll Dama mal-Ordni ta’ San Lazzru ta’ Ġerusalemme.

Marie Therese kienet miżżewġa lil Charles Axisa, ukoll mużiċist, u kienet omm ta’ tnejn.

Kondoljanzi lill-familjari tagħha f’dan il-mument tat-telfa tagħhom.