Tmut in-nanna tal-Eurovision

Ftit ħin ilu tħabbret il-mewt tan-nanna tal-Eurovision.
Il-Ġermaniża Ella Kastner għalqet 105 snin ftit ġranet ilu.
Ix-xwejħa kienet magħrufa għas-sehem tagħha kull sena fil-Eurovision. Sar f'liema pajjiż sar, sa Mejju li għadda, lin-nanna dejjem kont issibha mhux biss fis-swali fejn sar il-festival imma ukoll mal-ġurnalisti sseġwi l-aħħar żviluppi ta' dak li jkun għaddej minn wara l-kwinti.
Oma Ella sa ftit jiem ilu qattgħet dak li kellu jkun l-aħħar birthday tagħha fi Sqallija. Iċċelebratu ma' kantanti tal-Eurovision u mal-eqreb familjari tagħha.
L-aħħar xewqa tagħha kienet li tattendi għas-sittin edizzjoni tal-festival li se jsir fi Vjenna f'Mejju li ġej. Pero' għal mitt ġurnata biss, din il-ħolma tagħha mhux se ssir realta'.
Din l-aħbar ta' mewtha ħasdet mhux biss lill-ħbieb u l-familja tagħha imma ukoll lill-familja l-kbira tagħha tal-Eurovision li dalgħodu kif semgħu l-aħbar qasmu d-dieqa u s-sogħba tagħhom f'dan il-waqt ta' niket.