Tmut il-vuċi ta’ Minnie Mouse

Ritratt: Facebook

Għalkemm l-isem ta’  Russi Taylor mhux daqstant familjari, fid-dinja tal-ispettaklu huwa magħruf sew, u l-vuċi tagħha hi waħda familjari.

Il-kumpanija Walt Disney ħabbret li l-attriċi ta’ 75 sena mietet nhar il-Ġimgħa li għadda. Hija kienet ilha tagħmel il-vuċi ta Minnie Mouse sa mill-1986.

Però mhux biss kienet tislef il-vuċi tagħha għal dan il-karattru, iżda wkoll għall-karattru ta’ Martin fis-sensiela The Simpsons, kif ukoll f’sensiliet animati TaleSpin, The Little Mermaid, Buzz Lightyear of Star Command u Kim Possible.

Taylor ma kienitx l-ewwel vuċi ta’ Minnie Mouse. Fis-Snin 30, il-vuċi kienet tagħmilha Marcellite Garner.  Fis-Snin 40 kienet tagħmilha Thelma Boardman filwaqt li Ruth Clifford kienet il-vuċi ta’ Minnie fis-Snin40 u fis-Snin 50.

Fil-ħajja reali, Taylor kienet iżżewwġet lil Wayne Allwine, li sa ma miet fl-2009, kien jagħmel il-vuċi ta’ Mickey Mouse.