Tmut il-vuċi ta’ Brainy Smurf

L-attur ta’ Hollywood Danny Goldman miet fl-età ta’ 80 sena. L-attur hu l-aktar magħruf billi kien jagħmel il-vuċi ta’ Brainy Smurf f’The Smurfs, l-aktar karatturu ‘moħħu hemm’ mill-iSmurfs l-oħrajn.

L-attur ma mietx kawża tal-koronavirus imma kaġun ta’ żewġ puplesiji li għadda minnhom qrib l-aħħar tas-sena li għaddiet.

Doug Ely, l-aġent li kien jieħu ħsieb l-interessi ta’ Danny Goldman, qal li l-attur kellu qalb tassew kbira u kien iħobb lil kulħadd. Kellu ċerti ideat li kien jipprova jgħaddihom lil ħaddiehor. Barra hekk kien iħobb jiċċajta ma’ kulħadd biex jara lil dak li jkun bi tbissima fuq fommu.

“Illum tlifna raġel mill-aqwa,” temm jgħid. “Se nħossu bil-kbir in-nuqqas tiegħu.”

Meta Goldman għamel l-ewwel dehra tiegħu bħala Brainy f’The Smurfs fl-1981 mill-ewwel għamel suċċess ma’ kulħadd. Brainy kien magħruf għan-nuċċali li kien jilbes b’lenti ħoxnin waqt li jagħti  suġġerimenti u pariri biex sħabu jsibu tarf l-inkwiet li kienu jsibu rwieħhom ta’ sikwit fihom.