Tmut il-mara li għenet biex il-bniedem mexa fuq il-qamar

Katherine Johnson, il-matematika tan-NASA  b’karnaġġjon iswed li ħajjitha nħadmet bħala film f’Hidden Figures mietet il-bieraħ it-Tnejn fl-età ta’ 101 sena. Mewtha tħabbret mill-aġenzija spazjali Amerikana NASA.

Il-kalkoli matematiċi ta’ Johnson għenu biex l-ewwel bniedem mexa  fuq il-qamar fl-1969.

“Kienet eroj Amerikana u l-wirt pijunier tagħha qatt ma jintesa,” qal l-Amministratur tan-NASA Jim Bridenstine li onora “il-kuraġġ tagħha u l-punti importanti li ma stajniex nilħqu mingħajrha.”  Johnson u kollega kienu l-ewwel li kkalkulaw il-parametri tat-titjira tal-astronawta Alan Shepard, l-ewwel Amerikan fl-ispazju.  It-talenti tal-matematika tagħha għenu aktar tard jiddeterminaw it-trajettorja tat-titjira Apollo 11 li niżżlu lil Neil Armstrong u Buzz Aldrin fuq il-qamar 1969. 

Il-President Amerikan Barack Obama ippreżenta lil Johnson il-Midalja Presidenzjali tal-Libertà, l-ogħla unur ċivili fil-pajjiż, fl-2015. 

Sentejn wara, Johnson  li kellha 98 sena, attendiet l-Oscars tal-2017 meta l-film Hidden Figures kien nominat għal premju.  Il-mara kienet intlaqgħet b’ovazzjoni kbira minn dawk preżenti.

Katherine Johnson kienet irtirat minn NASA fl-1986.