Tmut il-kantanta Vera Lynn; kellha 103 snin

Read in English.

Tħabbret il-mewt tal-kantanta Vera Lynn fl-età ta’ 103 snin. Hija magħrufa l-aktar għal suċċess bħal We’ll Meet Again li kienet popolari matul il-gwerra. Kellha wkoll bosta suċċessi oħra bħal The White Cliffs of Dover, A Nightingale Sang in Berkeley Square u There’ll Always Be an England.

Snin wara hija kellha suċċessi oħra bħal Auf Wiederseh’n, Sweetheart kif ukoll My Son, My Son, li fl-Ingilterra kienet telgħet ukoll sal-quċċata tal-klassifika. Fl-1982 kienet ukoll ħarġet il-kanzunetta I Love This Land, biex timmarka t-tmiem tal-gwerra tal-Falklands.

Il-kantanta twieldet bħala Vera Margaret Welch nhar l-20 ta’ Marzu 1917 u skopriet it-talenti tagħha meta kellha 7 snin. Ta’ 11-il sena kienet waqfet tmur l-iskola biex tibda karriera bħala żeffiena u kantanta.

Fl-2009, fl-età ta’ 92 sena, hija saret l-ikbar artista ħajja li rnexxielha titla’ sal-quċċata tal-klassifika tal-albums fl-Ingilterra b’We’ll Meet Again: The Very Best of Vera Lynn.

Matul is-snin hija kienet ukoll tagħmel xogħol għall-karità u nediet il-The Dame Vera Lynn Trust for Children with Cerebral Palsy.