Tmut il-kantanta Natalie Cole

Tħabbret il-mewt tal-kantanta Natalie Cole, fl-età ta’ 65 sena. Hi mietet il-bieraħ wara problemi f’qalbha.
Magħrufa l-aktar għas-suċċessi tagħha This Will Be u d-dwett Unforgettable ma’ missierha Nat King Cole.
Binha Robert qal fi stqarrija, “Natalie ġġieldet ġlieda qawwija u kuraġġuża u mietet kif għexet…b’dinjità, qawwa u unur.”
Cole rebħet disgħa Grammy Awards tul il-karriera tagħha u ħarġet 21 album.
Fil-ktieb tagħha Angel on My Shoulder, Cole kienet kitbet dwar meta saret taf li għandha l-Hepatitis C riżultat ta’ dipendenza fuq id-droga fit-tmeninijiet, meta kienet tuża labar użati.
Kienet tbati wkoll b’marda fil-fwied u fl-2009 sarilha trapjant tal-kliewi. Meta qamet mill-operazzjoni saret taf li oħtha l-kbira kienet mietet bil-kanċer fil-pulmun.
“L-għażiża ommna mhi se tintesa’ qatt u tibqa’ f’qalbna għal dejjem,” temmet tgħid l-istqarrija.