Tmut il-kantanta Millie Small ta’ My Boy Lollipop

Tħabbar li l-bieraħ it-Tnejn 5 ta’ Mejju mietet il-kantanta Millie Small li bosta żgur jiftakru s-suċċess internazzjonali tagħha My Boy Lollipop. Il-kantanta mill-Ġamajka mietet fl-età ta’ 73 sena. Skont ma tħabbar hi mietet wara li sofriet puplesija.

Il-kanzunetta tagħha kienet suċċess mill-akbar u fl-1964 telgħet fit-tieni post tal-klassifiċi fl-Ingilterra u fl-Istati Uniti. L-istess kanzunetta biegħet madwar 7 miljun kopja madwar id-dinja. Fl-1987 My Boy Lollipop kienet reġgħet tfaċċat fil-klassifika Ingliża.

My Boy Lollipop baqgħet popolari sal-lum il-ġurnata u tindaqq waqt ħafna parties u hi wkoll favorita ma’ diversi stazzjonijiet tar-radji madwar id-dinja.

Wara My Boy Lollipop Millie rrekordjat Sweet William u Bloodshot Eyes li wkoll telgħu fil-klassifiċi Amerikani u Ingliżi, iżda ma kellhomx l-istess impatt ta’ My Boy Lollipop.

Il-kantanta però naqset l-attività tagħha fis-Snin 70. Matul is-snin dejjem evitat li tagħti xi intervisti u xi dehriet fil-pubbliku. Kien wara assenza ta’ 40 sena, fl-2016, li hi aċċettat intervista mal-ġurnalist Amerikan Tom Graves, fejn qalet li Rod Stewart kien daqq il-harmonica fir-rikording ta’ My Boy Lollipop, xi ħaġa li Stewart ċaħad.

Smart għexet f’Singapore bejn l-1971 u l-1973 u wara rritornat fir-Renju Unit fejn baqgħet sakemm mietet. Il-kantanta hija omm ta’ Jaelee li twieldet fl-1984.