Honor Blackman li ħadmet il-parti ta’ Pussy Galore fil-film Goldfinger ta’ James Bond fl-1964, mietet fl-età ta’ 94 sena. L-attriċi, li saret magħrufa fis-snin 60 bħala Cathy Gale fis-sensiela televiżiva The Avengers mietet b’kawżi naturali mhux relatati mal-koronavirus wara karriera ta’ 80 sena fuq il-palk, it-televiżjoni u fil-films.
Il-familja ta’ Blackman sejħet lill-attriċi ‘omm u nanna adurata’ li kellha taħlita straordinarja ta’ sbuħija, intelliġenza u ħila fiżika.

Il-familja tagħha ħabbret li Honor Blackman mietet fid-dar tagħha f’Lewes, f’Sussex, imdawra mill-familja tagħha.
“Kienet maħbuba ħafna u se tkun ta’ telfa kbira għaż-żewġ uliedha Barnaby u Lottie u għan-neputijiet Daisy, Oscar, Olive u Toby,” qalu tal-familja tagħha.

Minbarra l-partijiet tagħha bħala Cathy Gale fl-Avengers u t-tfajla ta’ Bond bħala Pussy Galore f’Goldfinger, hija ħadmet il-parti ta’ Hera f’Jason and the Argonauts u bħala Laura West fis-sitcom tas-snin 90 The Upper Hand. Hija dehret ukoll fi produzzjonijiet teatrali fosthom The Sound of Music, My Fair Lady u Cabaret.