Tmut għax belgħet pilloli li xtrat mill-internet

Fl-Ingilterra, tfajla ta’ 21 sena mietet wara li ġisimha “inħaraq minn ġewwa” wara li ħadet pilloli li xtrat minn fuq l-internet.
Il-Pulizija Ingliża ħarġet twissija kontra l-użu ta’ pilloli għad-dieta, u li jistgħu jinxtraw minn fuq l-internet, wara li t-tobba ma setgħux isalvaw lil Eloise Aimee Parry minħabba l-kontenut qawwi ta’ kimika partikolari (dinitrofenol) fil-pilloli.
Skont omm it-tfajla, is-sistema immunitarja tagħha splodiet minn ġewwa wara li ħadet dawn il-pilloli.
It-tfajla marret weħidha l-isptar imma t-tobba ma qisux il-każ b’emerġenza għax kienet għadha kompletament f’sensiha.
Kien biss minn testijiet tossikoloġiċi li ħareġ kemm kienet gravi s-sitwazzjoni.
Eloise kienet belgħet 8 pilloli meta diġà bi 2 il-kundizzjoni kienet tkun fatali.
Id-dinitrofenol kien intuża għall-ewwel darba fl-Ewwel Gwerra Dinjija biex jinħadmu l-bombi. Mas-snin, sar popolari ma’ dawk li riedu jitilfu l-piż, speċjalment dawk li jbatu minn kundizzjonijiet bħall-bulimja u l-anoressija, hekk kif testijiet indikaw li dan seta’ jwassal għat-telf ta’ 7 kilogrammi fil-ġimgħa.
Madankollu t-tobba fl-Ingilterra qed iwissu lill-pubbliku biex joqgħod attent, ma jixtrix mediċini jew supplimenti minn fuq l-internet u jsegwi dejjem il-pariri tat-tobba.