Tmut Claudine Auger; ħadmet f’aktar minn 60 film

L-attriċi Franċiża Claudine Auger mietet l-Erbgħa 18 ta’ Diċembru fl-età ta’ 68 sena. Kienet ix-xewqa tal-qraba tagħha li l-aħbar tal-mewt tagħha tinżamm kwieta.

Claudien Auger ma’ Sean Connery fil-film Thunderball

Tul il-karriera tagħha Auger ħadmet f’aktar minn 60 film iżda l-aktar li l-iktar parti li tibqa’ mfakkra għaliha hija dik ta’ Domino fil-film Thunderball (1965) flimkien ma’ Sean Connery.

Ritratt: Twitter/JamesBond

Minbarra l-karriera twila fil-films fejn ħadmet fi produzzjonijiet Franċiżi, Taljani u Spanjoli, Auger kienet ukoll mudella u kienet l-ewwel rebbieħa fil-konkors ta’ Miss France fl-1958 u fl-istess sena kienet ir-runner up fil-konkors tal-Miss World.

Minbarra l-film ta’ James Bond ma’ Sean Connery, Auger kienet ħadmet f’aktar produzzjonijiet fosthom Flic Story (1975), Take Me to the Ritz (1977), The Bermuda Triangle (1978) u s-sensiela La Piovra 5.

L-aħħar film li ħadmet fih kien The Red & The Black (1997) flimkien ma’ Carole Bouquet u Kim Rossi Stuart.