Tmut bil-kanċer fl-Ingilterra; ċaħduha mill-kura

Mara mill-Etjopja spiċċat biex mietet wara li ġiet imċaħħda minn trattament għall-kanċer. Il-mara li kellha 39 sena ma ngħatatx it-trattament li potenzjalment seta’ jsalvalha ħajjitha. Kelemua Mulat li kellha kanċer tas-sider ma ngħatatx it-trattament għax l-Uffiċċju tad-Djar u l-uffiċjali tal-NHS fl-Ingilterra ddeċidew li ma kinitx eleġibbli għal kura b’xejn.

Mulat li hi omm, eventwalment ingħatalha t-trattament mill-isptar Christie f’Manchester. Dan sar wara li t-tobba tal-isptar esprimew it-tħassib tagħhom u qalu li kellha bżonn il-kura b’mod immedjat.

L-avukat tagħha, Jeremy Bloom qal li l-mewt ta’ Mulat wera r-realtà ta’ x’qed ikollu jħallas il-bniedem għall-istrateġija ostili tal-gvern li qed iġiegħel lill-NHS timponi ħlasijiet bil-quddiem lill-immigranti li huma meqjusa mhux eleġibbli għal kura b’xejn.

Mulat hija biss waħda mill-pazjenti li ġiet miċħuda kura għall-marda serja li kellha. Dan ġara minħabba liġijiet li mhux jagħtu li tingħata kura b’xejn lil dawn in-nies. Fil-każ ta’ Mulat, il-konsuleti fl-isptar Chrisitie qalu li jemmnu li l-kimoterapija kellha tingħata immedjatament f’April tas-sena l-oħra biex tkun ikkurata kif xieraq. Il-kanċer laħaq inxterdilha sal-istonku u l-ispina ta’ darha.

Madankollu ma ngħatatx trattament għal sitt ġimgħat sħaħ minħabba l-mod ta’ kif ġew proċessati d-dokumenti biex tingħata l-ażil. Eventwalment il-kimoterapija bdiet tingħatalha fis-7 ta’ Ġunju wara li l-każ ġie mikxuf mill-gazzetta Ingliża The Guardian. Sfortunatament l-isforzi li saru ma ħallewx effett.