Tmut Barbara Windsor ta’ Carry On u EastEnders

Read in English.

Mietet fl-età ta’ 83 sena l-attriċi Ingliża Dame Barbara Windsor magħrufa l-aktar għas-sehem tagħha f’disa’ films ta’ Carry On kif ukoll għall-parti ta’ Peggy Mitchell li mill-1994 bdiet tinterpreta fis-soap opera Ingliża EastEnders.

Il-familja tagħha kkonfermat li l-attriċi mietet ilbieraħ il-Ħamis fit-8.35pm.

Windsor mietet minn kumplikazzjonijiet tal-Alzheimers / Demenzja u fl-aħħar ġimgħa kontinwament kellha lil żewġha Scott Mitchell fil-qrib tagħha li wara li kkonferma l-mewt tal-attriċi ħeġġeġ il-Gvern Ingliż biex iżomm il-wegħda toegħu li jinvesti aktar finanzi għar-riċerka tal-Alzheimers u d-Dimenzja.

Dame Barbara Windsor twieldet f’Londra f’Awwissu tal-1937. Bdiet il-karriera tagħha meta kellha 13-il sena u kisbet suċċessi kbar bil-films ta’ Carry On li nħadmu bejn l-1964 u l-1974.

Is-sehem tagħha f’EastEnders wassalha biex fl-1999 tirbaħ l-unur tal-Aqwa Attriċi waqt il-British Soap Awards u fl-istess sena ġiet rikonoxxuta bil-Lifetime Achievement Award.

Hija baqgħet taħdem f’EastEnders sal-2010 u rritornat fis-sensiela għal dehriet żgħar fl-2013, fl-2014 u fl-2015.