Tmut Asma Jahangir, avukat u attivistà prominenti mill-Pakistan

Asma Jahangir mietet fl-età ta’ 66 sena wara li sofriet attakk tal-qalb. Hi ttieħdet l-isptar fejn mietet wara.
Jahangir hi magħrufa għall-attiviżmu tagħha favur id-demokrazija u kellha speċjalment għall-qalbha d-drittijiet tan-nisa.
Fost in-nies li wrew niket għall-mewt tagħha hemm Malala Yousafzai li ħadet il-Premju Nobel għall-Paċi. Yousafzai rreferiet għal Jahangir bħala ‘s-salvatur tad-demokrazija u d-drittijiet umani’.

Il-Prim Ministru tal-Pakistan Shahid Khaqan Abbasi qal li din hija telfa kbira għall-fraternità legali u li qed iżommha u lil familitha fit-talb tiegħu.
Jahangir kienet talbet il-gvern jinvestiga min ried isikkitha hekk kif kienu nħarġu xi dokumenti fejn kien jidher li xi uffiċjali tal-intelliġenza kienu qed jippjanaw li joqtluha. Hija kienet talbet ukoll għall-inkjestà.

Min kienet Asma Jahangir?

  • Hija twieldet f’Lahore fil-Pakistan
  • Kienet innominata għall-Premju Nobel għall-Paċi fl-2005
  • Gradwat bħala avukat u fl-età ta’ 30 sena bdiet taħdem fil-Qorti Suprema tal-Pakistan.
  • Attivitajiet favur id-demokrazija fl-1983 wasslu biex hi tispiċċa l-ħabs.
  • Fl-2007 opponiet it-tneħħija tal-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema fil-Pakistan u spiċċat arrestata f'darha.
  • Kienet waħda mill-fundaturi tal-Kummissjoni għad-Drittijiet Umani fil-Pakistan
  • Fetħet l-ewwel ċentru għall-għajnuna legali bla ħlas
  • Kienet ir-rapporteur speċjali għan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Umani fl-Iran