Tmut anzjana oħra pożittiva għall-coronavirus

Read in English.

Malta rreġistrat l-34 vittma tal-coronavirus hekk kif il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li mietet anzjana oħra ta’ 79 sena.

Fi stqarrija kien spjegat li l-anzjana kienet ittestjat negattiva għall-coronavirus fis-26 ta’ Settembru, bħala parti mit-testijiet ta’ rutina li qegħdin isiru fid-djar tal-anzjani fejn kienet tgħix. Hija mietet ilbieraħ, 28 ta’ Settembru, u swab test li sar wara mewtha kkonferma li kienet pożittiva għall-Covid-19. 

Għal darb’oħra, il-Ministeru tas-Saħħa qal li l-anzjana kellha kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri.

Il-Ministeru għas-Saħħa appella biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa, fosthom il-ħasil tal-idejn ta’ spiss, id-distanza soċjali u l-użu tal-maskra.