Imutu 2 anzjani bil-Covid-19

Read in English.

Il-Ministeru għas-Saħħa llum ħabbar l-imwiet ta’ żewġ anzjani bil-Covid-19, waħda ta’ anzjana ta’ 89 sena u l-oħra ta’ anzjan ta’ 91 sena.

L-anzjana, li l-mewt tagħha tħabbret dalgħodu, iddaħħlet l-Isptar Mater Dei fit-23 ta’ Ottubru u kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 dakinhar stess. Hija baqgħet tingħata kura fl-Isptar Mater Dei fejn mietet ilbieraħ filgħaxija.

Waranofsinhar tħabbret it-tieni mewta tal-jum, dik tal-anzjan. Hu ddaħħal l-Isptar Mater Dei fis-16 ta’ Ottubru u kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 dakinhar stess. Huwa baqa’ jingħata kura fl-Isptar Mater Dei fejn miet aktar kmieni llum.

Dawn kienu s-56 u s-57 vittma f’Malta bil-Covid-19, wara l-mewt li tħabbret ilbieraħ.

Il-Ministeru għas-Saħħa, filwaqt li ta l-kondoljanzi lill-qraba tal-anzjani, appella lill-poplu biex jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa, fosthom il-ħasil tal-idejn ta’ spiss, id-distanza fiżika u l-użu tal-maskra kullimkien