Tmur taħdem f’dar tal-anzjani biex tkun qrib missierha

Nina Ambrose ma' missierha Roger. Ritratt meħud minn filat ta' Good Morning Show

Is-sitwazzjoni tal-Covid-19 wasslet biex ħafna familji madwar id-dinja jgħaddu żmien twil ma jaraw lil xulxin, speċjalment dawk li qegħdin fid-djar tal-anzjani.

Iżda Nina Ambrose li tgħix f’Writtle, f’Essex fir-Renju Unit iddeċidiet li ma tħallix ir-restrizzjonijiet iwaqqfuha milli tkun qrib missierha Roger, ta’ 77 sena u li jbati minn Alzheimer’s.

Kien għalhekk li f’April li għadda l-mara ta’ 48 sena daħlet bħala voluntiera fl-istess dart al-anzjani fejn jinsab missierha u minn dak iż-żmien bdiet taħdem tlett xifts biex b’hekk tgħin lir-residenti l-oħra fid-dar tal-anzjani f’Chelmsford u fl-istess waqt tkun qrib missierha.

Missierha ilu bil-kundizzjoni tal-Alzheimer’s għal dawn l-aħħar 12-il sena u meta fl-aħħar xhur is-sitwazzjoni tiegħu qalbet għall-agħar bintu kienet tmur iżżuru b’mod regoalri sakemm ir-restrizzjonijiet imposti mill-pandemija ma ħallewhiex tagħmel aktar dan.

Għalhekk hija ddeċidiet li timxi fuq il-passi ta’ missierha li għal bosta snin kien jagħmel xogħol volontarju u għalhekk minħabba l-fatt li fl-aħħar żmien tilfet ix-xogħol tagħha hija ddeċidiet li tiddedika l-ħin liberu tagħha biex tgħin lil ħaddieħor u fl-istess waqt tkun tista’ żżomm għajnejha fuq missierha.

Hija tgħid li filwaqt li fl-imgħoddi qatt ma ħasbet li tagħmel xogħol volontarju, din l-esperjenza ispirata biex tikkunsidra affarijiet ġodda fil-ħajja tagħha.

Fid-dar tal-anzjani, Nina tieħu ħsieb torganizza bosta attivitajiet u tgħid li l-ferħ li tara fuq wiċċhom inisslilha sodisfazzjon kbir.