Tmur għajnha biha hi u tpejjep; tallega li ħarqulha darha

Mara nħelset mill-arrest wara li ġiet akkużata li għamlet rapport falz lill-Pulizija meta allegat li xi ħadd ipprova jaħraq darha. Fil-Qorti nstema’ kif in-nar ħolqitu hi stess billi marret għajnha biha hi u tpejjep waqt li kienet xurbana. B’kawża ta’ dan l-inċident, il-mara sofriet minn ħruq tat-tielet grad f’wiċċha.

L-Ungeriża ta’ 34 sena tressqet il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja. Hija kienet akkużata li tat informazzjoni żbaljata lill-Pulizija apposta, dwar reat li mhux veru seħħ.

Il-każ ġara fil-21 ta’ Jannar, meta l-mara ttieħdet l-isptar wara li l-appartament tagħha fl-Imsida nħakem minn nirien. Meta mistoqsija mill-Pulizija dwar il-każ, il-mara kienet qalet li ssuspettat li xi ħadd qabbad l-appartament tagħha bin-nar. Iżda aktar tard, hija ammettiet lill-Pulizija li fil-fatt hija kienet raqdet waqt li kellha sigarett jaqbad f’idha meta kienet xurbana.

Fil-Qorti llum hija ammettiet li gidbet lill-Pulizija. Il-Qorti tatha ċans li tbiddel id-dikjarazzjoni tagħha, iżda l-mara saħqet li hija kienet ħatja ta’ din il-gidba.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja qal li ma ħassx li hu sew li jagħti kastig lill-mara f’dawn iċ-ċirkustanzi u għaldaqstant, taha ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma twettaq l-ebda reat fi żmien 6 xhur. Hija ġiet ordnata li tħallas l-ispejjeż tal-Qorti u tal-esperti mqabbdin fl-inkjesta.

Hi u ħierġa mill-awla, il-Maġistrat qalilha biex tieħu l-alkoħol bil-qies, minħabba li dan jista’ joħolqilha problemi ta’ flus, ta’ saħħa u fir-relazzjonijiet tagħha.