Tmint iġsma misjuba fi trailer f’San Antonio

Tmint iġsma, fosthom ta’ żewġt itfal, instabu fil-kaxxa ta’ trailer ipparkjat f’San Antonio, l-Istati Uniti, f’dak li hu maħsub tentattiv biex dawn il-persuni jiġu ttraffikati.
Ma’ dawn hemm 20 oħra li jinsabu f’kundizzjoni kritika, ħafna minnhom ibatu minn effetti ta’ nuqqas ta’ ilma u sħanat kbar.
Filwaqt li s-sewwieq jinsab f’idejn il-Pulizija, dawn tal-aħħar għadhom ma kkonfermawx minn fejn kienet ġejja l-vettura, u lanqas taw dettalji dwar tal-ewwel.
L-istorja ħarġet fil-beraħ is-Sibt filgħaxija, xħin is-sewwieq waqaf quddiem stabbilment tal-ikel u talab flixkun ilma lill-ħaddiem. Dan mar u ġie lura bl-ilma, iżda nnota l-iġsma fil-kaxxa tat-trailer u informa lill-awtoritajiet.
Madwar 38 persuna nstabu fil-kaxxa, bi wħud minnhom tfal tal-iskola, u l-maġġoranza fl-għxrinijiet u t-tletinijiet.
Il-Kap tas-Sezzjoni tat-Tifi tan-Nar qal lill-midja li huwa miraklu li l-bqija tal-persuni ma mitux kollha. Fost l-oħrajn instab li ħafna minnhom kellhom ir-rata tat-taħbita tal-qalb fil-livell ta’ 130 kull minuta, u kienu jikwu xħin tmisshom.
It-trakk la kellu arja kkundizzjonata, wisq anqas provista ta’ ilma, u t-temp sħun u xott tal-inħawi kompla jiggrava s-sitwazzjoni.