Tmiem ta’ era: Nadal ibaxxi rasu quddiem il-qawwa ta’ Djokovic

It-tennista Serb Novak Djokovic għeleb lill-Ispanjol Rafael Nadal fi tliet sets fil-kwarti al-finali tar-Roland Garros, f’Pariġi.
Aħbar sportiva li tista’ tqis bħala normali, li kieku mhux għaliex f’71 logħba li Nadal kellu tul il-karriera prolifika tiegħu fuq l-uċuħ ħomor ta’ Pariġi, huwa safa’ megħlub darba biss, lura fl-2009. L-Ispanjol rebaħ dan it-turnament prestiġjuż għal xejn inqas minn disa’ darbiet, u għallinqas fix-xena tennistika, kien ir-Re indiskuss ta’ Franza.
Iżda t-telfa li ġarrab kontra Djokovic, u l-mod ta’ kif ċeda l-armi quddiem l-avversarju tiegħu (7-5, 6-3, 6-1), jagħti x’jifhem li din hija t-tmiem ta’ era għal Nadal u r-Roland Garros.
Fis-semi-finali, Djokovic, li għalih dak ta’ Pariġi huwa l-uniku turnament tal-Grand Slam li għadu qatt ma rebaħ, jitlaqa’ kontra l-Brittaniku Andy Murray. F’27 logħba bejniethom, Djokovic rebaħ 18-il darba. Madankollu, l-aħħar rebħa tal-iSkoċċiż kienet fil-finali ta’ Wimbledon fl-2013.