​Tmiem għall-Forza Nazzjonali bejn il-PN u l-PD

Il-Partit Nazzjonalista kkomunika d-deċiżjoni li se tintemm l-alleanza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku.
Fi stqarrija, il-PN qal li dan ġie deċiż wara mozzjoni mressqa quddiem l-Eżekuttiv tal-PN.
Fisser li l-alleanza issa hija xolta minħabba li fl-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju li għadda, il-Forza Nazzjonali ma rebħitx il-maġġoranza neċessarja biex tifforma Gvern.
Il-PN saħaq li issa, kull forma ta’ koperazzjoni mar-rappreżentanti tal-PD issir biss skont il-każ u każ b’każ.
Il-partit kompla jispjega kif iż-żewġ partiti kienu ffirmaw ftehim biex tifforma l-Forza Nazzjonali, bil-għan li tiġi ppreżentata lista ta’ kandidati komuni għall-elezzjoni ġenerali sabiex jiġi ffurmat Gvern.
Il-mozzjoni kienet imressqa mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli u ġiet sekondata unanimament mill-uffiċjali u mill-membri kollha tal-Amministrattiv tal-PN.
“Oppożizzjoni mifruda iktar minn qatt qabel” – PL
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-poplu Malti spiċċa lanqas jaf fejn qiegħed mal-Oppożizzjoni, li fi kliemu issa hija mifruda iktar minn qatt qabel.
Skont il-PL, l-aħħar żviluppi mhux biss jikkonfermaw kemm kellhom raġun il-Prim Ministru u l-partit meta wissew b’koalizzjoni ta’ konfużjoni, iżda juru wkoll kemm il-PN m’għandux il-kredenzjali biex imexxi lil Malta.
Il-PL żied jgħid li l-Oppożizzjoni ikkontestat punt kostituzzjonali dwar in-numru ta’ siġġijiet li kienet intitolata għalihom fuq il-premessa li l-PN u l-PD huma ħaġa waħda, b’lista waħda u whip wieħed. 
Il-PD qata' r-relazzjoni mal-PN – Godfrey Farrugia
Ftit wara li ħarġet l-aħbar mill-PN, il-Membru Parlamentari tal-PD Godfrey Farrugia qal li kien il-PD li qata’ r-relazzjonijiet mal-PN.
Farrugia kompla jgħid li dan kien tħabbar żmien ilu mill-MP tal-PD Marlene Farrugia u mill-Kap tal-partit Anthony Buttigieg.
Godfrey Farrugia żied jgħid li ma jirrikonoxxix lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adiran Delia bħala rappreżentat tiegħu jew ta’ Marlene Farrugia.
Saħaq li l-PD huwa rappreżentat b’mod distint fl-Oppożizzjoni Parlamentari bħala l-Oppożizzjoni Demokratika.
Temm jgħid li l-mozzjoni li ressaq l-Eżekuttiv tal-PN mhu xejn ġdid u li jagħti x’jifhem li din il-mozzjoni “tista’ tixhed aġenda moħbija”.
Il-koalizzjoni m’għadhiex teżisti – PD
Intant, fi stqarrija l-PD qal li jirriafferma dak li kienu qalu Marlene Farrugia u Anthony Buttigieg li l-koalizzjoni m’għadhiex teżisti.
Il-PD qal li bħala Oppożizzjoni distinta fil-Parlament, se tkun qed taħdem kull fejn ikun fl-aħjar interess tal-poplu Malti. Il-partit qal li se jkompli juri l-ħtieġa għal partit terz f’Malta.
Il-PD saħaq li se jkompli jilqa’ fi ħdanu persuni li ma jirrikonoxxux lil Adrian Delia bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Tista' taqra l-mozzjoni sħiħa tal-PN hawn: