Għaliex sparixxew is-sinjali tal-ispeed camera? TM tispjega

Transport Malta qalet li s-sinjali tal-ispeed camera li twaħħlu fin-Naxxar tneħħew għax is-sewwieq jassoċjaw dawk it-tip ta’ sinjali ma’ speed cameras fissi u mhux ma’ dawk mobbli tal-Pulizija.

Kelliem għal Transport Malta (TM) qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Awtorità fasslet arranġamenti tat-traffiku ġodda fi Triq San Pawl fin-Naxxar. Spjega li waqt il-fażi konsultattiva, il-Pulizija talbet li jitwaħħlu tabelli li jindikaw żona fejn il-limiti tal-veloċità jistgħu jiġu infurzati.

“Dan sabiex jgħarrfu lis-sewwieqa li jistgħu ikunu qed jużaw l-ispeed camera mobbli (speed gun).”

TM qalet li inkludiet dawn it-tabelli fil-pjanti li jidentifikaw tibdil fl-arranġament tat-traffiku. Però, ftit wara li twaħħlu, minħabba li s-sewwieqa f’Malta jassoċjaw dawn is-sinjali ma’ speed cameras fissi ġie deċiż li l-Pulizija jużaw tip ta’ sinjali differenti.

Skont il-kelliem, ix-xogħol kien parti minn kuntratt sħiħ ta’ xogħol u t-tabelli jerġgħu jintużaw x’imkien ieħor. Żied jgħid li l-ispiża ma tistax tiġi kkalkulata għaliha u hija negliġibli.

Newsbook.com.mt kien irrapporta li twaħħlu sinjali ta’ speed camera li tippermetti veloċità massima ta’ 40 kilometru fis-siegħa. Wara, kelliem għal TM kien qal li ma kienx hemm ħsieb li tiġi installata speed camera. Ftit wara li ħareġ ir-rapport ta’ Newsbook.com.mt , dawn is-sinjali tneħħew. Tneħħew ukoll is-sinjali li jindikaw il-veloċità massima ta’ dik it-triq. Skont TM, hi ma kinitx “involuta direttament” f’din l-inizzjattiva iżda li “bħal dejjem tikkoopera mal-Pulizija.”

Filmat: Speed camera ġdida; ma tistax taqbeż l-40 km

X’kellha xi tgħid il-Pulizija?

Min-naħa tagħha, il-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li talbet li fejn l-Awtorità tat-Trasport tħoss li hemm problemi serji ta’ veloċità eċċessiva, apparti tabelli li jindikaw il-veloċità permessa jitwaħħlu wkoll tabelli ta’ miżuri li jkejlu l-veloċità biex ikun jista’ jsir infurzar.

“Ta’ min jirrimarka li hemm ukoll tabellli temporanji li jistgħu jitpoġġew f’toroq oħrajn. It-toroq li se jkunu mgħammrin b’dawn it-tabelli huma prerogattiva tal-Awtorità tat-Trasport u għandhom iservu prinċipalment bħala deterrent, u f’każ t’abbuż isegwi l-infurzar.”

Skont il-Pulizija, huwa fatt diġà rrappurtat mill-midja li l-Pulizija ilha stazzjonata fit-toroq sabiex tinforza r-regolamenti tat-traffiku. Żiedet tgħid li l-limitu tal-veloċità hija prerogattiva tal-Awtrorità tat-Trasport, maħruġ mil-liġi. “Huwa d-dmir tal-Pulizija li tinforza l-liġi mhux li tikkumenta fuq xogħol ta’ dipartimenti oħra,” temmet tgħid il-Pulizija.

Filmat: Jisparixxu s-sinjali

Il-Kunsill Lokali Naxxar kien ħareġ stqarrija jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni li ttieħdet biex tiġi nstallata speed camera fit-triq li taqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill, mingħajr dan ma ġie kkonsultat. Il-Kunsill sostna li din mhux l-ewwel darba li Transport Malta ħadet deċiżjonijiet mingħajr ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-Kunsill.

Il-kontroversja dwar l-ispeed camera ssemmiet ukoll fil-Parlament. Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li mhux se jkun hemm speed camera fi Triq San Pawl fin-Naxxar. Borg kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.