TM tipposponi l-eżamijiet kollha tas-sewqan għal 8 ijiem

Transport Malta ħabbret li t-testijiet kollha tas-sewqan mil-lum sal-20 ta’ Marzu qed jiġu posposti.

Fi stqarrija, Transport Malta spjegat li dan qed isir sabiex jitnaqqas ir-riskju tat-tixrid tal-coronavirus. Intant, iċ-ċentru ta’ fejn isir l-eżami tat-teorija qed jagħlaq il-bibien tiegħu matul il-perjodu. B’hekk lanqas l-eżamijiet tat-teorija m’huma se jsiru aktar.

Il-persuni li kellhom jagħmlu t-test tal-karozza se jingħataw data ġdida meta tinbidel is-sitwazzjoni.

Intant, Transport Malta spjegat ukoll li l-operaturi kollha tat-trasport pubbliku żiedu l-frekwenza tat-tindif tal-vetturi. Il-karozzi tal-linja qed iżommu t-twieqi miftuħin u l-arja kundizzjonata mitfija, fost l-oħrajn. Min-naħa l-oħra, dawk li qed jiġu fl-uffiċini ta’ Transport Malta f’Raħal Ġdid u Ħal Lija biex jieħdu għadd ta’ servizzi mhux qed jistennew fis-swali, iżda qegħdin jidħlu persuna kull darba, biex jonqos ir-riskju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn