TM tibqa’ siekta fuq il-ħsarat ikkawżati minn cyber attack

Read in English.

Transport Malta iddeċidiet li tibqa’ siekta fuq cyber-attack li sofriet is-sistema tagħha meta ġiet mistoqsija minn Newsbook.com.mt.

Fir-risposta tagħha, l-awtorità insistiet li ma setgħetx toħroġ dettalji minħabba li għaddejja inkjesta maġisterjali.

Newsbook.com.mt staqsiet dawn il-mistoqsijiet:

  • Meta ġara is-cyber attack, u meta nstab?
  • Tista tikkonferma li ntilfet data mid-direttorat tal-portijiet, mir-reġistru marittimu u dak tal-ajru?
  • Kien hemm reġistri oħra li ġew affetwati?
  • Insterqet xi data?
  • Tista tikkonferma jekk kienx hemm backup tad-data milquta mill-attakk?
  • Is-cyber attack għadu jkollu mpatt fuq l-operazzjonijiet ta’ Transport Malta?

L-istess mistoqsijiet intbagħtu lill-Ministeru għat-Trasport, li, però, iddirieġa lil Newsbook.com.mt biex tkellem lil Transport Malta.

Fi stqarrija, TM qalet li s-servers u s-sistemi tagħha sofrew cyber-attack fil-lejl ta’ bejn 25 u 26 Settembru.

Kelliem għall-awtorità qal li hi immedjatament qalet lill-esperti tekniċi tagħha biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jillimitaw l-effett tas-cyber attack, u li talbet ukoll l-assistenza tal-pulizija. Transport Malta bagħtet ukoll notifika li d-data tagħha ġiet kompromessa lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data.

L-Oppożizzjoni tistaqsi fuq il-firxa tas-cyber attack

F’messaġġ lill-Minsitru Ian Borg, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa kemm kien mifrux is-cyber attack, jekk insterqitx l-informazzjoni u jekk kienx hemm backup ta’ din l-informazzjoni.

F’messaġġ separat fuq Facebook, Azzopardi qal li rċieva “informazzjoni konkreta,” minn fejn jidher li d-data tad-Direttorat għall-Portijiet intilfet kollha, u li s-sistemi kollha ta’ Transport Malta kellhom jingħalqu.

Wara li lbierah filghaxija ktibt post insaqsi lil Ministru Ian Borg diversi domandi dwar jekk u kif is-sistemi tal-IT ta…

Posted by Jason Azzopardi on Wednesday, October 14, 2020

Żied li sistemi ġodda ma setgħux jiġu nstallati minħabba biża li d-data terġa tkun korrotta, u li numru ta’ impjegati ma setgħux ikomplu jaħdmu.

Azzopardi qal li hemm ċans kbir li Transport Malta jkollha tibda mill-bidu, u li s-sistemi tagħha setgħu ilhom kompromessi minn Novembru li għadda. Staqsa għalfejn il-ministeru baqa’ sieket quddiem dan.

TM tinnotifika lill-impjegati

Transport Malta bagħtet notifika lill-impjegati tagħha, b’dettalji simili għal dawk li bagħtet lin-newsroom.

Qalet li n-notifika ħarġet issa għax għandha stampa aktar ċara ta’ x’ġara u ta’ x’setgħu kienu l-konsegwenzi tas-cyber attack. L-awtorità heġġet lill-impjegati tagħha biex jieħdu miżuri biex jipproteġu informazzjoni personali.

L-impjegati ġew mitluba jaraw jekk hemmx attività suspettuża fl-accounts personali tagħhom, biex ibiddlu l-passwords regolarment, jaraw l-accounts finanzjarji tagħħom u jirrapurtaw tranżazzjonijiet mhux awtorizzati.