TM tagħżel liema midja ssegwi l-ħidma tagħha – IĠM

TM

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin akkuża lil Transport Malta (TM) li kienet selettiva fl-għażla tal-ġurnalisti li setgħu jsegwu l-ħidma ta’ TM biex koppja Maltija titniżżel minn cruiseliner u tinġieb Malta. TM ċaħdet li kellha xi preferenzi min-naħa tagħha.

F’ittra mibgħuta lil TM, l-Istitut (IĠM) qal li reċieva għadd ta’ ilmenti minn kmamar tal-aħbarijiet dwar “nuqqas ta’ trattament xieraq” minn TM waqt il-ħidma biex inġiebet Malta l-koppja Maltija li kienet fuq il-cruiseliner Colombus.

L-IĠM qal li hu infurmat li Transport Malta iddedikat lanċa biex fuqha ittellgħu membri selettivi tal-midja tal-ONE News u preżentatur ta’ programm fuq TVM. ONE News hija l-midja tal-Partit Laburista.

“Madanakollu, l-istess opportunità ma kinetx offruta lill-kmamar tal-aħbarijiet kollha,” qal l-IĠM.

“Awtorità pubblika, b’mod partikolari f’ħidma ewlenija bħal din, m’għandiex tkun selettiva, iżda l-opportunità ghandha tkun offruta lill-kmamar tal-ahbarijiet kollha b’mod ugwali. Għaldaqstant, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qed iressaq iment formali għal dan in-nuqqas min-naħa ta’ Transport Malta. Nisħqu li episodju bħal dan ma jerġax jiġri,” qal l-IĠM.

L-IĠM qal li huwa persważ li TM se tara biex każ bħal dan ma jerġax iseħħ. L-ittra tal-IĠM ġiet iffirmata mis-Segretarju Ġenerali tal-IĠM Nigel Mifsud.

Il-Marketing and Communications Manager ta’ Transport Malta Rodrick Zerafa kkonferma li kien hemm persuni minn ONE News u mit-TVM fuq il-lanċa ta’ TM. Zerafa kien fuq lanċa jsegwi l-ħidma dakinhar.

“Transport Malta għamlet il-provvidementi meħtieġa biex takkomoda dawn it-talbiet għal min ried isegwi din l-operazzjoni mill-qrib. Kieku l-kmamar tal-aħbarijiet l-oħra għamlu talbiet simili, l-Awtorità kienet tipprova takkomodha lilhom ukoll,” qal Zerafa.

“Grazzi tal-kooperazzjoni u nħares ‘il quddiem sabiex l-Awtoritá tkompli tikkollabora mal-ġurnalisti u l-kmamar tal-aħbarijiet, kif dejjem għamlet tul is-snin,” temm jgħid Zerafa.