TM qed iżżomm reġistru tal-vetturi bi pjanċi barranin li jitneħħew mit-triq

Direttivi Ewropej li se jidħlu fis-seħħ fix-xhur li ġejjin se jgħin lill-Pulizija jinterċettaw is-sidien ta' vetturi li jiddaħħlu Malta bi pjanċi barranin u li jitħallew mitluqin fit-toroq b'liċenzja barranija skaduta.
Għaldaqstant se tkun qed tapplika meta l-vetturi jiddaħħlu Malta minn pajjiż Ewropew ieħor. 
Transport Malta qed iżżomm reġistru bi dettalji kollha tal-vetturi li jkunu tneħħew mit-toroq wara li tkun inħarġitilhom il-karta s-safra mill-Pulizija. 
Fil-ġranet li għaddew, Newsbook.com.mt kien irrapporta kif qed jiżdiedu l-każi ta' vetturi li jitħallew ipparkjati fit-toroq bi pjanċi barranin u b'reġistrazzjoni skaduta u dan b'detriment għal min iħallas il-liċenzja regolarment.
Permezz tar-regoli l-ġodda tal-Unjoni Ewropea, se jkun possibbli li jsir skambju tal-informazzjoni bejn il-pajjiżi membri.
Dawn id-dettalji tas-sid tal-vetturi se jgħinu lill-Pulizija biex jittieħdu passi u jinħarġu ċitazzjonijiet anke jekk is-sid ikun mar f'pajjiż ieħor.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fil-preżent mhux possibbli li jinħarġu ċitazzjonijiet għal vetturi bħal dawn għaliex il-Pulizija m'għandhix mezz kif issir taf min hu is-sid.
Jirriżulta li meta vettura bi pjanċi u reġistrazzjoni barranin jiddaħħlu Malta, min ikun importa l-vettura għandu 20 ġurnata sabiex imur Transport Malta u jirreġistra l-vettura b'liċenzja Maltija.
Għaldaqstant dan il-proċess huwa ibbażat fuq is-sid għaliex irid ikun hu li jmur jirreġistra.
Min jonqos li jagħmel dan jeħel €30 għal kull ġurnata.
Din is-sitwazzjoni qed toħloq frustrazzjoni kbira lil bosta Maltin għaliex il-Pulizija trid tgħaddi minn proċess metikoluż ħafna b’kuntatti mal-Awtoritajiet barra minn Malta biex jiġi vverifikat meta nxtrat il-vettura konċernata u b’hekk jaslu biex jintraċċaw lis-sid.
Huma ħafna li jilmentaw fuq dawn il-vetturi għaliex f'ħafna ċirkostanzi jikkapparraw il-parkeġġi.
Newsbook.com.mt għadu qed jistenna t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li saru lil Transport Malta.