Transport Malta ma tridx terfa’ r-responsabbiltà ta’ triq fin-Naxxar

Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar u t-Transport Malta għandhom kawża pendenti l-Qorti għax ħadd minnhom ma jrid jerfa’ r-responsabbilità ta’ Triq is-Salina fin-Naxxar.
Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt kelliem għall-Kunsill tan-Naxxar wara li dan is-sit irraporta l-każ ta’ Rosaline Vella li l-vettura tagħha ġarbet ħsarat minħabba li baqgħet dieħla f’tappiera miftuħa fl-istess triq.
Rosaline kienet spjegat li ħadd ma ried jerfa’ r-responsabbilità tat-triq u għaldaqstant wara aktar minn sena baqgħet bla kumpens.
Għall-mistoqsijiet li kien bagħat Newsbook.com.mt, il-Kunsill Lokali tan-Naxxar żvela li l-Qorti kienet iddikjarat li Transport Malta għandha tassumi r-responsabbilità tat-triq.
Min-naħa tagħha TM appellat mis-sentenza, u l-appell għadu qed jistema’.
Il-kelliem qal ukoll li l-Kunsill Lokali kien ilmenta dwar ix-xogħlijiet li kienu saru fuq din it-triq u jemmen li min awtorizza u ċċertifika x-xogħol għandu jerfa’ r-responsabbilità.
Dwar dan il-każ, Newsbook.com.mt kien bagħat ukoll mistoqsijiet lill-Transport Malta u lill-Ministeru tat-Trasport iżda s’issa għadu bla risposta.