TM b’iktar ksur tal-liġi tal-Protezzjoni tad-Data – espert

Pixabay

Read in English.

Wara li żvela li bil-ftehim riċenti bejn Transport Malta u l-Pulizija x’aktarx inkisret il-liġi, Newsbook.com.mt issa jista’ jiżvela li r-regolatur tat-trasport f’Malta mhux jonora parti mill-General Data Protection Regulations (GDPR).

L-espert legali li kkuntattja Newsbook.com.mt qal li “hu inkwetanti li awtorità pubblika mhix konformi mar-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jwasslu għal multi sa €20 miljun. S’issa l-ogħla multa mill-Kummissarju Malti għall-Protezzjoni tad-Data kienet ta’ €5,000”.

Barra minn hekk, din il-kamra tal-aħbarijiet sabet li mhuwiex attiv in-numru tat-telefown tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data li hu mniżżel fuq is-sit ta’ TM. It-telefonati fuq in-numru tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tad-Data tal-Pulizija lanqas ma ġew imwieġba.

L-ewwel każ ta’ possibilità ta’ ksur tal-liġi

Newsbook ikkuntattja espert fir-regolamenti tal-protezzjoni tad-data, wara li l-Gvern ħabbar li l-Pulizija issa għandha aċċess għall-materjal awdjoviżiv irrekordjat minn 60 kamera li TM tħaddem madwar Malta u Għawdex. Il-kameras se jiżdiedu b’250 oħra fix-xhur li ġejjin.

L-espert legali li tkellem ma’ Newsbook bil-kundizzjoni li jibqa’ anonimu, qal li f’dawn il-każi l-liġi titlob li qabel jidħol fis-seħħ il-proġett, għandu jsir assessjar dwar l-impatt fuq il-protezzjoni tad-data. Stqarr li dan l-assessjar għandu jiġi approvat mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data.

Il-Kummissarju Saviour Cachia qal ma’ Newsbook.com.mt li hu ma kienx ikkonsultat dwar dan il-proġett.

Il-Pulizija u TM x’aktarx qed jiksru l-liġi – espert

Mill-ħażin għall-agħar: aktar ksur ta’ regolamenti

L-investigazzjonijiet ta’ Newsbook jiżvelaw li s-sitwazzjoni hija agħar minn kif oriġinarjament dehret, hekk kif TM x’aktarx qed tikser aspetti oħra tar-regolamenti tal-Protezzjoni tad-Data.

Newsbook.com.mt  ipprova jikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DPO) ta’ TM, fuq in-numru tat-telefown mogħti fuq is-sit tal-awtorità. Irriżulta li n-numru tat-telefown ma jeżistix. Minkejja li l-GDPR titlob li l-identità tad-DPO tiġi ppubblikata, l-isem fuq is-sit ma deher imkien.

Din il-kamra tal-aħbarijiet ċemplet ukoll lil Transport Malta nhar il-Ħamis. Impjegata infurmatna li ma tistax tgħaddi t-telefonata lill-uffiċjal inkarigat mill-protezzjoni tad-data għax m’għandhiex isem. Intlabna numru biex TM tikkuntattjana lura, iżda sal-ħin tal-publikazzjoni ma rċivejna l-ebda telefonati.

L-espert legali kkuntattjat minn Newsbook qal li “l-politika ta’ privatezza fuq is-sit ta’ TM ma jsemmi bl-ebda mod kif TM tiġbor id-data personali u x’tagħmel biha. Dan huwa ksur tal-Artiklu 14 tal-GDPR”.

“Kif qed tipproċessa d-data li tkun ġabret mill-kameras tat-traffiku? Min għandu aċċess? Għal kemm żmien tinżamm? X’inhi r-raġuni li qed jinġabru dawn il-filmati? Fejn qed jinżammu? Lil min jingħataw?” kompla jistaqsi.

Ikkonkluda li “hemm ħafna mistoqsijiet li m’hemmx tweġiba għalihom, u huwa inkwetanti li awtorità pubblika mhix konformi ma’ Regolamenti Ewropej.

L-ebda salvagwardja dwar l-aċċess mill-Pulizija

L-espert stqarr li mkien ma jissemmew x’salvagwardji ttieħdu biex jiġi eliminat jew mill-inqas limitat l-aċċess ta’ data personali mill-Pulizija, f’każi fejn ma jkunx hemm suspett ta’ reat kriminali.

“X’inhuma l-policies li qed jaddottaw il-Pulizija biex jassiguraw li ma jkunx hemm abbuż tad-data minn uffiċjali individwali? Xi jwaqqaf pulizija milli jimmoniterja minn fejn marret tixtri martu t-Tlieta?”, kompla jistaqsi.

Newsbook.com.mt ipprova jċempel l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tad-Data tal-Pulizija, li hu mniżżel fuq is-sit tal-Korp, iżda ħadd ma wieġeb.

TM mhix waħedha

Din mhix l-ewwel darba li Transport Malta ġiet akkużata b’azzjonijiet simili. F’Settembru tas-sena l-oħra, Newsbook.com.mt irrapporta li numru ta’ awtoritajiet regolatorji u entitajiet tal-Gvern responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet u regolamenti, kienu qed jiksru minflok josservaw ir-regolamenti. Minbarra TM, kien hemm Infrastructure Malta, il-Kunsill Mediku, Ambjent Malta u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.

Regulatory authorities flouting regulations