TM bi pjan dwar is-siġar li qed jitressqu fil-Marsa

Bħala miżura ambjentali, Transport Malta (TM) se tkun qed tħawwel aktar minn żewġ siġriet ġodda għal kull waħda li titressaq mis-sit tal-proġett tal-Marsa Junction.
Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt kelliem għal TM li żied jgħid li uħud mis-siġar se jitħawlu fl-istess inħawi.
Skont TM, it-tneħħija tas-siġar mill-Marsa qed isir “bl-approvazzjoni u b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet konċernati.” TM qalet ukoll li qed issegwi l-pariri ta’ esperti tal-biodiversità li jitqabbdu jsegwu kull proġett li jinvolvi dan it-tip ta’ xogħol. F'Novembru li għadda, il-kelliem kien qal li "bħala parti mill-proġett ukoll, Transport Malta se tħawwel 400 siġra ġdida."
Il-kelliem għal TM qal ma’ Newsbook.com.mt li fil-permessi tal-iżvilupp tal-proġett tal-Marsa, l-awtoritajiet konċernati indikaw li uħud mis-siġar biswit Triq Aldo Moro li kien hemm bżonn jitressqu kienu speċi li m’għandhomx jitpoġġew f’postijiet oħra għaliex jistgħu joħolqu aktar ħsara milli ġid.
Skont TM, dawn jinkludu fost oħrajn siġar tal-eucalyptus. Intqal li z-zkuk ta’ għadd ta’ siġar oħra li kienu mietu fis-snin ta’ qabel tneħħew ukoll. Fl-istess waqt, kien hemm speċi oħra li nqalgħu u tħawlu f’postijiet oħra, hekk kif speċifikat mill-awtoritajiet u skont metodi rakkomandati mill-esperti. 
It-TM spjegat li l-Marsa Junction Project, investiment fi tliet fażijiet iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda, seba’ strutturi ta’ pontijiet (flyovers), passaġġi għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, faċilitajiet għaċ-ċiklisti, parkeġġi u żviluppi oħra.