Tluq ta’ suċċess għall-ewwel missjoni operattiva min-NASA

Il-kapsula ġdida Crew Dragon iddisinjata minn SpaceX li l-ekwipaġġ semmieha Resilience, inqatgħet mill-art abbord Falcon 9, rocket ta’ SpaceX, fis-7.27pm (00.27 GMT) mill-Kennedy Space Center ta’ NASA ġewwa Cape Canaveral fi Florida.

“Kien tluq mill-aqwa” qal l-astronawta Mike Hopkins abbord Crew Dragon huwa u jkellem lill-mission control ta’ SpaceX siegħa wara t-tluq.

Crew Dragon mistennija tibqa’ tiela’ fl-orbita għal dawn is-27 siegħa li ġejjin b’mod gradwali permezz ta’ serje ta’ onboard thruster firings, b’mod li l-astronawti se jkollhom ħin jieklu ikel imħejji għalihom kif ukoll tmien siegħat biex jistrieħu qabel il-wasla tagħhom fuq l-istazzjon spazjali internazzjonali fil-11pm ta’ nhar it-Tnejn.

Sagħtejn qabel it-tluq, kien hemm leak ta’ l-arja li wassal biex waqgħet ftit il-pressjoni ta’ l-arja ġewwa l-kapsula skond uffiċjali ta’ NASA. Iżda t-tekniċi qalu li wettqu testijiet sabiex jiċċekkjaw li kollox kien sew u t-tluq baqa’ skedat li jsir.

L-ekwipaġġ abbord Resilience jinkludi lil Hopkins u żewġ astronawti ta’ NASA, il-pilota Victor Glover u l-fiżiċista Shannon Walker. Magħhom ingħaqad l-astronawta Ġappuniż Soichi Noguchi, biex b’hekk din kienet it-tielet mawra tiegħu fl-ispazju wara li fl-2005 kien abbord ix-shuttle Amerikana u abbord is-Soyuz fl-2009.

It-titjira ta’ 27 siegħa sa l-istazzjon spazzjali, laboratorju fl-orbita li jinsab madwar 250 mil (400 km) ‘il fuq mid-dinja, kienet oriġinarjament skedata li tibda’ nhar is-Sibt. Iżda t-tluq kien pospost b’ġurnata minħabba twissija ta’ riħ qawwi – kawżat mit-tempesta tropikali Eta – li kienet se tagħmilha diffiċli għall-booster ta’ Falcon 9 li jerġa’ jinżel lura fuq l-art, qalu uffiċjali ta’ NASA.

L-astronawti, lebsin l-ilbies abjad tat-titjir tagħhom, waslu fil-punt tat-tluq ta’ Kennedy Space Center fil-ħin, fl-4.30pm abbord tlett Tesla SUVs bojod, flimkien ma’ uffiċjali ta’ NASA u SpaceX.

NASA qed tqis din it-titjira bħala l-ewwel missjoni “operattiva” tagħha – missjoni li ilha titħejja għal dawn l-aħħar għaxar snin. Din il-missjoni fil-fatt, tirrappreżenta era ġdida għall-iżvilupp ta’ vetturi spazjali kummerċjali – imħaddma minn kumpaniji privati u mhux minn NASA biex jintbagħatu Amerikani fl-orbita.

Din il-missjoni kienet l-ewwel minn serje ta’ sitt missjonijiet operattivi ta’ NASA. Il-kumpanija qed tibbukkja wkoll missjonijiet għal astronawti privati, fosthom waħda li mistennija tieħu lill-attur Tom Cruise fl-ispazju fis-snin li ġejjin.

Il-biljunarju Elon Musk li huwa l-kap eżekuttiv ta’ SpaceX u CEO tal-kumpanija ta’ karozzi u batteriji Tesla Inc, ma rax it-tluq mill-Kennedy Space Center minħabbali jista’ jkun li għandu każ moderat ta’ COVID-19.