​“Tlift żewġt iħbieb kbar f’xahar; hekk se nqattgħu għeluq snini”

Il-mezzi soċjali fl-aħħar sigħat kienu miżgħuda b’ħitan sħaħ miksijin bi kliem sabiħ dwar Jessica Micallef, it-tfajla ta’ 22 sena mir-Rabat, li tilfet ħajjitha lbieraħ f’inċident fl-Imġarr.
Tfajla qalet li m’għandhiex moħħ tiċċelebra għeluq sninha li jaħbat il-ġimgħa d-dieħla minħabba li dan ix-xahar tilfet żewġt iħbieb għeżież – Jessica u Christa Formosa, tfajla oħra li aktar kmieni dan ix-xahar mietet f’inċident tat-traffiku f’Burmarrad.
Jessica, jew Jess, kif kienet issejjaħ lilha nnifisha fuq Facebook, ġiet deskritta bħala tfajla dejjem bi tbissima fuq fommha, ċajtiera, b’karattru tal-ġenn, dejjem lesta biex tgħin lil ta’ madwarha, mimlija enerġija u ħlewwa.
Oħrajn qalu li jafuha bħala voluntiera waqt il-maratona tal-volleyball tal-Moviment Kerygma u voluntiera mas-St John Rescue Corps.