Tlift mowbajl jew kartiera? Instabu 32 mowbajl u 12-il kartiera

Il-Pulizija kompliet taġġorna l-lista’ ta’ affarijiet misjuba li ġew mogħtija lilha tul l-2019 u li għadhom ma ġewx ritornati lil sidhom għax ma jkunux ġew rappurtati nieqsa jew ma s-sidien ma jkunux marru għalihom.

S’issa bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena nstabu total ta’ 32 mowbajl u 12-il kartiera. 8 mill-mowbajls misjuba huma iPhones. Fost l-affarijiet oħra li nstabu hemm basktijiet, tablet u saħansitra drone. Biex wieħed jiċċekja wieħed mill-oġġetti hux tiegħu, għandu jagħmel rapport lill-Pulizija dwar l-oġġett mitluf.

Din il-lista hi ppubblikata skont il-kodiċi ċivili 564, li jistipula li s-sid ma jirrapurtax nieqes, jew ma jiġborx l-oġġett konċernat mingħand il-Pulizija sa tliet xhur minn meta dan ikun instab, dan isir propjetà ta’ min ikun sabu. Skont l-istess kodiċi, jekk is-sid jinstab, dan hu mitlub jagħti rigal monetarju lil min ikun sabu, liema rigal ma jistax ikun inqas minn 10% tal-valur tal-oġġett misjub.

Jekk wara sitt xhur l-oġġett ma jinġabarx mis-sid jew minn min ikun sabu, dan isir propjetà tal-Gvern.

Hekk kif uħud mill-oġġetti jkunu ntesew mis-sid, oħrajn jinkludu oġġetti li jkunu ntilfu. Tista’ tara l-lista kompluta ta’ meta nstabu l-oġġetti hawnhekk.