“Tlift lil ommi bil-Covid-19; ħuduli ħsieb lil missieri” – Raġel b’appell lil Dar San Ġużepp

Dar San Ġużepp tiċħad li hemm negliġenza lejn l-anzjani

Godwin Schembri, li għandu lil missieru resident f’Dar San Ġużepp fil-Fgura, għamel appell iddisprat fuq il-midja soċjali sabiex missieru jingħata l-attenzjoni meħtieġa wara li dan tilef lil martu għall-Covid-19 fl-istess residenza.

Schembri kiteb fuq Facebook ilbieraħ filgħaxija li ma xtaqx jirrikorri għall-mezzi soċjali, imma ma kellux għażla oħra billi mhux jirċievi informazzjoni mingħand ir-residenza fuq missieru. Milli jgħidlu missieru, hemm imġiba ta’ negliġenza lejn l-anzjani, li qed jiġu msakkrin fil-kmamar tagħhom sabiex tiġi kkontrollata l-imxija tal-coronavirus fid-dar.

I have no alternative but to write this post as i have been trying for many days to receive news about my dad who is a…

Posted by Godwin Schembri on Thursday, October 1, 2020

Illum is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li din id-dar tal-anzjani kienet l-aktar li kellha każijiet tal-coronavirus, b’127 resident u 32 ħaddiem bil-virus. Spjegat li l-milja ntlaħqet fil-15 ta’ Settembru imma issa qed jonqsu l-każijiet.

Ir-residenza qalet illum li bħalissa hemm 33 każ attiv tal-coronavirus fiha, li minnhom, hemm ħames anzjani li jinsabu l-isptar. 82 persuna fiequ mill-virus. Tliet ħaddiema jinsabu kwarantina.

Godwin Schembri akkuża lir-residenza li ma kellha l-ebda bubbles, żoni jew protokolli infurzati, u l-virus baqa’ jinxtered. L-unika azzjoni li ħadet din id-dar tal-anzjani, qal ir-raġel, kienet li lir-residenti sakkrithom ġol-kmamar tagħhom mingħajr l-opportunità li jimxu ftit, lanqas fil-kuritur.

Stqarr li missieru issa jeħtieġ attenzjoni speċjali wara li tilef lil martu, fosthom il-kura ta’ tabib. Hemm bżonn ukoll li l-affarijiet ta’ martu li mietet bil-Covid-19 jittieħdu mill-kamra, li jingħataw aġġornamenti fuq il-qagħda tiegħu lill-familja, u li tittiħidlu gazzetta fil-kamra. L-iben qal li kull meta talab biex ikellem lil missieru permezz ta’ Skype, baqa’ bla tweġiba.

Huwa appella lil Dar San Ġużepp biex tgħid il-verità dwar is-sitwazzjoni fir-residenza, u mhux tgħid biss kemm-il persuna fieqet.

X’qalet Dar San Ġużepp?

Fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, ir-residenza kienet qiegħda tħabbar minn jum għall-ieħor kemm fiequ persuni mill-coronavirus. Newsbook.com.mt bagħat numru ta’ mistoqsijiet lill-amministrazzjoni tar-residenza dwar il-persuni li fiequ u l-każijiet attivi fid-dar, iżda dawn qatt ma twieġbu.

L-iben temm il-messaġġ tiegħu billi appellalhom biex jieħdu ħsieb l-anzjani li jinsabu fil-kura tagħhom.

Illum, ir-residenza kitbet messaġġ fuq Facebook bi tweġiba għal dan l-appell ta’ Godwin Schembri. Hija qalet li ilha timplimenta l-miżuri kollha possibbli mill-bidu nett tal-pandemija. Ċaħdet li hemm xi negliġenza fid-dar lejn ir-residenti u qalet li se tindirizza l-kwistjoni b’mod privat mal-individwi involuti.

From the onset Residenza San Guzepp has strictly adhered to all protocols and guidelines issued by the competent…

Posted by Residenza San Guzepp on Friday, October 2, 2020
L-aġġornamenti li tagħti Dar San Ġużepp
Dar San Ġużepp tgħid li fiequ 7 persuni oħra mill-coronavirus