“Tlift it-tarbija u qiegħduni ma’ ommijiet ġodda”

Mary* għadha tipprova tirkupra mit-trawma wara li ftit ġimgħat ilu tilfet it-tarbija tagħha. Qed tipprova tegħleb id-dwejjaq li jaħkmuha minn ħin għall-ieħor hi u taħseb fuq kif bħalissa suppost qed tbennen it-tarbija ġdida tagħha.
Meta ħarġet mill-operazzjoni li minnha t-tarbija twieldet bla ħajja, Mary* tirrakkonta li fl-isptar Mater Dei tqegħdet ma’ nisa oħra li kienu qed jistennew biex iwelldu jew inkella kienu għadhom kemm saru ommijiet ġodda.
Ma’ Newsbook.com.mt, tappella biex l-awtoritajiet tal-isptar ikunu iktar sensittivi għal dak li tkun għaddejja minnu mara bħalha u possibilment iqegħduha f’kamra għaliha.
Tisħaq fuq kemm kien diffiċli għaliha biex sakemm damet l-isptar, tipprova tirkupra u ssib is-saħħa meta fl-istess waqt kien hemm ħdejha ommijiet ġodda bit-tarbija tagħhom.
Newsbook.com.mt hu infurmat li fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ġew irrappurtati wkoll każi ta’ nisa li tilfu t-tarbija u tqiegħdu fi swali fejn kien hemm ommijiet ġodda bit-trabi tagħhom.
Mary* hu isem fittizju. Jekk għandek esperjenza li tixtieq tirrakkonta, ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt