Tlift bagalja l-ajruport? Ara nbigħetx bl-irkant!

Il-bagalji kollha li jintesew jew jintilfu fl-ajruport marru għal kawża ġusta hekk kif fit-tmien edizzjoni ta’ Lost, Found and Auctioned inbiegħu b’irkant, bil-flus imorru għall-Fondazzjoni Richmond.

L-iktar oġġetti li qajmu interess fost in-nies preżenti kienu l-bagalji sorpriża, li huma bagalji ssiġillati mimlijin b’affarijiet varji, minn inbejjed u ċikkulatini sa nuċċalijiet tax-xemx u tiżjin tal-Milied. L-offerti għall-bagalja li ġabret l-iktar flus bdew minn €40 u baqgħu telgħin sakemm din inbiegħet għas-somma ta’ €700.

It-78 oġġett li ġew irkantati ġabru somma totali ta’ €9,365, li din is-sena sejra għall-Fondazzjoni Richmond, li hija NGO li tqajjem kuxjenza fuq il-mard mentali.

Il-flus li nġabru f’edizzjonijiet preċedenti ta’ dan l-irkant marru għal għadd ta’ organizzazzjonijiet differenti, fosthom L-Ordni Sovrana ta’ Malta (2017), Inspire (2016), id-Dar tal-Providenza (2015), Hospice Malta (2014), u The Ladybird Foundation (2013).