“Tlifna żewġ artisti” – Ira

Ritratt: Facebook/IraLosco

It-tieni live show ta’ X Factor Malta ħoloq diskussjoni mhux ħażin ilbieraħ filgħaxija hekk kif jidher li ħafna nies ma stennewx li Jasmine Abela kienet se tkun fost iż-żewġ artisti eliminati mill-kompetizzjoni.

Il-filmat tal-prestazzjoni tagħha fl-ewwel live show tal-ġimgħa ta’ qabel hu l-aktar segwit fuq il-YouTube.

Ilbieraħ hija dehret kunfidenti għall-aħħar hekk kif wasslet il-veżjoni tagħha tal-kanzunetta Material Girl ta’ Madonna.

Anki Dav.Jr li kien ukoll fost il-favoriti spiċċa elimimat mill-kompetizzjoni.

“Ma nistax nemmen li tlifna żewġ artisti kbar. Ma nistax nemmen li tfajla li tant tefgħet passjoni fil-wirja tagħha ġiet ivvuttata biex tispiċċa barra,” kien il-kumment ta’ Ira Losco ftit minuti biss wara li ntemm il-programm tal-bieraħ filgħaxija.

Fil-ħin tal-votazzjoni Yazmin & James u Dav.Jr ġew pariġġ hekk kif Ray u Alexandra vvutaw biex Yazmin & James jispiċċaw barra filwaqt li Howard u Ira vvuttaw biex mill-kompetizzjoni jispiċċa Dav.Jr.

Ira kitbet li lanqas temmen li kellha tagħżel bejn iż-żewġ artisti u għalhekk ħasset li kellha terġa’ tgħaddi d-deċiżjoni f’idejn il-pubbliku.

Ritratt: Facebook/IraLosco

Hija qalet li kemm Yazmin & James kif ukoll Dav.Jr taw wirjiet tal-għaġeb iżda fl-istess waqt kienet imdejqa għal dak li ġara lil Jasmine għax it-tfajla kienet inkredibbli fuq il-palk.

It-tielet live show ta’ X Factor Malta se jsir il-Ħadd 26 ta’ Jannar fl-MFCC f’Ta’ Qali u għall-biljetti wieħed għandu jidħol fis-sit showshappening.com

Tista’ tidħol fiċ-ċans li tirbaħ biljetti għat-tielet live show billi tidħol fil-paġna ta’ Newsbook Lifestyle.