“Tlifna l-kuntatt ma’ 250 persuna f’periklu fuq il-baħar” – Alarm Phone

Read in English.

L-NGO Alarm Phone qalet li tilfet il-kuntatt ma’ gruppi differenti li bejniethom jgħaqqdu aktar minn 250 persuna li jinsabu fil-periklu bejn sema u ilma.

Permezz ta’ tweet, l-għaqda spjegat li fl-aħħar jiem kienet f’kuntatt ma’ erba’ dgħajjes differenti, fosthom tnejn li jinsabu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta. Minkejja dan jidher li matul il-lejl li għadda tilfet il-kuntatt minn mad-dgħajjes kollha.

Il-kuntatt mad-dgħajsa li fuqha hemm 47 persuna sar l-aħħar ilbieraħ bil-lejl, fl-10.14pm. Hemm dgħajsa ta’ 71 persuna li ntilef il-kuntatt minn magħha xi s-2pm ilbieraħ. Dawn it-tnejn jinsabu f’żona fejn suppost għandhom jiġu salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta. Intant, hemm dgħajsa oħra li fuqha hemm 55 persuna u li tinsab f’ibħra internazzjonali Maltin. Il-kuntatt ma’ din id-dgħajsa ntilef fil-11am ilbieraħ. Dgħajsa oħra li l-pożizzjoni tagħha għadha mhux magħrufa u li fuqha hemm 85 persuna ntilef il-kuntatt minn magħha għall-ħabta tal-11pm il-Ġimgħa filgħaxija.

L-NGO qalet li sal-lum, fejn id-dinja se tkun qed tiċċelebra l-Għid il-Kbir, dawn kollha jistgħu jispiċċaw mejta għax l-Ewropa falliet milli taġixxi biex issalva l-ħajjiet.

Qabel ma ntilef il-kuntatt, omm talbet lill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) biex għallinqas isalvaw il-wild tagħha. Skont l-għaqda Alarm Phone din l-omm hija fost grupp ta’ 47 persuna fiż-żona tas-salvataġġ ta’ Malta.

Fuq Twitter Alarm Phone qalet li l-immigranti għamlu kuntatt magħha u qalu li għandhom bżonn l-ilma wara li qattgħu żewġt iljieli fil-baħar. In-nies qalu li qed imutu bil-mod u appellaw lill-Maltin biex ma jħalluhomx waħedhom. L-għaqda Alarm Phone appellat lill-AFM biex issalva lil dawn in-nies, ġurnata qabel l-Għid il-Kbir.

Il-Gvern Malti qed jinsisti fuq id-deċiżjoni tiegħu li ma jiġux salvati aktar immigranti. F’diversi laqgħat li kellu l-Gvern Malti ma’ rappreżentati ta’ pajjiżi oħrajn f’Malta, hu qal li għal Malta sar impossibbli li fl-ibħra Maltin jibqgħu jiġu salvati immigranti li t-traffikanti tal-bnedmin qed jibgħatu lejn Malta illegalment.

“Ir-riżorsi u l-ispazju fiċ-ċentri tal-immigranti huma limitati għal kollox u l-wasliet ta’ aktar immigranti jipperikolaw il-ħidma li qed issir fost dawk l-immigranti li diġà jinsabu fostna. Huma fakkru wkoll li l-fruntieri ta’ pajjiżna huma magħluqa proprju minħabba dawn l-istess raġunijiet marbutin mas-saħħa u s-sigurtà ta’ kull min qed jgħix f’Malta fil-preżent,” qal il-Gvern.