“Tlifna 75% tad-dħul tagħna” – Claire Cassar

Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija ta’ reklamar Moving Ads qalet li l-pandemija tal-coronavirus fil-pajjiż wassal sabiex il-kumpanija titlef 75% tad-dħul tagħha f’perjodu normali.

Claire Cassar, li fil-passat kienet ukoll tħadem bħala avukat, tkellmet ma’ Newsbook.com.mt dwar xogħolha u l-mod kif din ġiet affettwata kawża tal-battalja kurrenti kontra l-imxija tal-coronavirus.

Cassar spjegat li l-kumpanija Moving Ads toffri spazji ta’ reklamar esklussivament fuq il-karozzi Tal-Linja tal-Malta Public Transport. Liema servizz ilu offrut għal dawn l-aħħar tliet snin u nofs. Qalet li matul is-snin, dan il-mezz ta’ reklamar kien sar wieħed popolari ħafna u beda jintuża minn bosta kumpaniji, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, għaqdiet non-governattivi, kif ukoll minn entitajiet tal-gvern biex iwasslu r-riklam jew il-messaġġ tagħhom lill-pubbliku.

Ma’ Newsbook.com.mt Cassar spjegat li s-sitwazzjoni kurrenti, sew minħabba l-miżuri li kellhom jidħlu fis-seħħ, kif ukoll l-impatt li dawn ħallew fuq l-ekonomija tal-pajjiż, bosta negozji spiċċaw biex għalqu l-operat tagħhom u b’hekk ir-reklamar li kien hemm għaddej twaqqaf kawża ta’ nuqqas ta’ likwidità. Qalet iżda li kien hemm xi ftit reklamar ieħor li ġie pospost. Dan it-tibdil ħalla effett negattiv fuq il-kumpanija li tilfet tliet kwarti tad-dħul tagħha.

“Raħħasna l-prezzijiet ta’ kull prodott b’50%”

Mistoqsija dwar kif kellhom jaddattaw għaċ-ċirkustanzi preżenti, Cassar spjegat li flimkien mal-kumpanija tat-trasport pubbliku bdew joffru rati speċjali lill-klijenti li baqgħu jirreklamaw f’dan iż-żmien. Qalet li huma offrew roħs fuq kull prodott matul il-perjodu ta’ inċertezza kollu tal-coronavirus. Spjegat li skont bosta studji li saru fil-passat, meta jkun hemm sitwazzjoni ta’ riċessjoni jew kriżijiet, dawk il-kumpaniji li jagħżlu li jkomplu jinvestu fir-reklamar huma dawk li joħorġu aktar malajr u b’saħħa mid-diffikultajiet finanzjarji tagħhom.

“L-għajnuna tal-Gvern mhix biżżejjed”

Cassar spjegat li l-għajnuniet mħabbra mill-Gvern s’issa, filwaqt li jgħinu, mhux biżżejjed biex in-negozju tagħhom isalva wkoll. Qalet li skont l-iskemi li ħarġu s’issa, il-kumpanija tikkwalifika għal €160 fix-xahar għal kull impjegat. Qalet li wara li l-każ tagħhom jgħaddi mill-fażi ta’ preżentazzjoni tal-fatti, jekk il-kumpanija tieħu s-sussidju ta’ €800 għal kull impjegat, din tibda terfa’ parti sostanzjali mill-piż li qed iġġorr il-kumpanija.

Irrimarkat li l-aħħar tax-xahar jiġi għal kulħadd u l-ħlas tas-salarji biex jissalvagwardjaw l-għixien tal-familji tal-impjegati jrid isir. “Wara kollox is-setturi huma kollha bħal katina magħqudin flimkien u meta bosta setturi jintlaqtu f’daqqa dan diġa jaffettwa lil ta’ madwaru aħseb u ara meta s-setturi kollha jiġu mpattati globalment fl-istess ħin,” sostniet Cassar. Hi kompliet tgħid kif dak li jagħmel is-sitwazzjoni aktar diffiċli huwa l-inċertezza ta’ kemm se ddum din is-sitwazzjoni. Qalet li kieku wieħed jaf fiċ-ċert li din hija sitwazzjoni ta’ tliet xhur biss, wieħed ikun jista’ jieħu miżuri u prekawzjonijiet fil-qosor. Qalet iżda li din hija sitwazzjoni li taf tieħu aktar fit-tul u ġġib magħha riperkussjonijiet kbar. Qalet li mhux qed jeskludu li jaslu f’punt fejn ikollhom jieħdu miżuri iebsin jekk b’xi mod iridu jsalvaw dak li ilhom jibnu fl-aħħar snin.

“Miżuri ekonomiċi aktar b’saħħithom jgħinunha nħallsu s-salarji”

Mistoqsija dwar x’inhi l-għajnuna li taħseb li negozju bħal tagħha għandu bżonn biex jgħeleb l-isfida preżenti, Cassar qalet li primarjament hemm bżonn miżuri aktar b’saħħithom li jippermettu lill-kumpaniji jkompli jħallsu s-salarji biex b’hekk tkompli ddur ir-rota tal-ekonomija. Qalet li mod ieħor kif il-Gvern jista’ jgħin huwa billi juża’ s-servizzi tal-kumpanija biex jikkomunika l-messaġġi tiegħu lill-poplu Malti u b’hekk ma jkunx hemm bżonn sussidju waqt li l-Gvern ikun qed jieħu aktar valur għall-flus li jonfoq.

“Il-ħidma nbidlet minn waħda normali għal waħda ta’ soppravvivenza”

Cassar spjegat li ħajjitha nbidlet f’diversi modi kawża tal-pandemija tal-coronavirus. Qalet li matul il-ġimgħa qed tipprova tkompli bil-ħidma anke jekk din inbidlet minn waħda ta’ operat normali għal waħda ta’ soppravvivenza. Qalet li tqatta’ ħafna ħin f’telefonati mad-direttur l-ieħor tal-kumpanija fejn tiddiskuti s-sitwazzjoni preżenti. Qalet ukoll li tqatta’ l-ħin titkellem mal-impjegati permezz ta’ video calls biex tara li żżommilhom il-moral tagħhom għoli. Hi mbagħad tqatta’ ħafna ħin id-dar mal-familja tagħha, taqra u taħdem fuq ix-xogħol tad-dar ukoll. Affarijiet li spjegat jgħinu biex hi taljena ftit rasha mis-sitwazzjoni.

Bħalissa Malta tinsab għaddejja minn perjodu ta’ inċertezzi li fih qed ibatu ħafna negozji f’oqsma differenti. Il-Gvern sema’ wkoll il-karba tal-midja, li huwa qasam ieħor li laqqat daqqa ta’ ħarta f’dan iż-żmien hekk kif qed jaffaċċja telf kbir. B’rabta ma’ dan il-Gvern issa qal li se jkun qed jagħti għajnuna finanzjarja lill-midja minħabba s-sitwazzjoni li ħoloq il-coronavirus.. Newsbook.com.mt flimkien ma’ 60 entità oħra kienu appellaw lill-Gvern biex jagħti widen lis-settur sabiex ikun jista’ jsalpa f’din il-maltempata.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn