Tlieta minn kull erba’ Maltin iħossuhom ċittadini tal-UE – stħarriġ tal-Eurobarometer

Tlieta minn kull erba’ ċittadini Maltin iħossuhom li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Dan joħroġ minn stħarriġ tal-Eurobarometer li sar lejn l-aħħar tas-sena l-oħra mill-istess Unjoni Ewropea. Huma kienu qed iwieġbu għall-mistoqsijiet dwar jekk iħossuhomx ċittadini Ewropej jew le, kif ukoll dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Iktar minn nofs il-Maltin li wieġbu għal dan l-istħarriġ qalu li huma konxji tad-drittijiet tagħhom.

Għal mistoqsija oħra f’dan l-istħarriġ, irriżulta wkoll li tlieta minn kull erba’ ċittadini Maltin qalu li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar id-drittijiet tagħhom, fosthom indikaw li jixtiequ jitgħallmu aktar dwar kif tingħata assistenza medika f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.

Kien hemm ukoll persuna Maltija minn kull erba’ li xtaqet titgħallem aktar dwar x’opportunitajiet ta’ xogħol jeżistu f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.