Tlieta mill-Maltin li ġab il-Gvern mil-Libja reġgħu marru lura

Tlieta mill-Maltin li l-Gvern ġab Malta mil-Libja, iddeċiedew li jmorru lura l-Libja.
F’kummenti lill-midja, is-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mario Cutajar qal li mhix magħrufa r-raġuni għalfejn iddeċiedew li jmorru lura l-Libja.
Mario Cutajar qal ukoll li mit-tliet pazjenti li waslu lbieraħ u ddaħħlu l-isptar, wieħed minnhom inżamm l-isptar u mistenni jkollu operazzjoni f’rasu minħabba l-ġrieħi li ġarrab.
Erba’ mill-pazjenti li ġew trasferiti lejn Malta mil-Libja jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei. Tnejn minnhom jinsabu fil-periklu li jitilfu ħajjithom. F’taqsimiet oħra fl-isptar qed jiġu rikoverati erba’ pazjenti oħra.
F’kummenti lill-midja, is-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mario Cutajar qal li mit-tliet pazjenti li waslu lbieraħ u ddaħħlu l-isptar, wieħed minnhom inżamm l-isptar u mistenni jkollu operazzjoni f’rasu minħabba l-ġrieħi li ġarrab.
Mario Cutajar ħabbar li llum waslu mil-Libja 64 persuna. Ħamsa minn dawn huma Maltin, 27 passiġġier mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li 32 oħra minn barra l-Ewropa.
Qal ukoll li llejla mistennija jaslu żewġ titjiriet oħra bi 32 passiġġier abbord.  Spjega kif fit-tlett ijiem li ġejjin jistgħu jidħlu bil-baħar 900 Ċiniż, kif ukoll xi Filippini u Indjani.
Sostna li bħal Malta, ħafna pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fosthom l-Awstrija, il-Belġju u d-Danimarka qed jappellaw liċ-ċittadini tagħhom biex joħorġu mil-Libja immedjatament.