Aġġornata (2): Tlieta midruba wara li karozza daħlet f’siġra

Newsbook.com.mt huwa nfurmat li x-xufier tal-karozza involut fl-inċident tat-traffiku ta' dalgħodu f'Ħal Tarxien, huwa raġel ta' 58 sena u huwa minn Ħal Luqa. Dan sofra ġrieħi ħfief. Iż-żewġ passiġġieri, anzjana ta’ 80 sena mill-Gudja kif ukoll mara ta’ 53 sena minn Ħal Luqa sofrew ġrieħi gravi iżda mhumiex fil-periklu tal-mewt.
It-tliet persuni qed jingħataw il-kura fl-isptar Mater Dei.

Aktar kmieni:
Tliet persuni qed jingħataw il-kura fl-isptar Mater Dei wara li l-vettura li kienu fiha baqgħet dieħla f'siġra.
Il-każ seħħ dalgħodu għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart fi Triq Tarxien, Ħal Tarxien.
Il-karozza kienet qed tinstaq fid-direzzjoni taż-Żejtun meta għal xi raġuni daħlet f'siġra.
Ix-xufier u ż-żewġ passiġġiera li kienu miegħu qed jingħataw il-kura fl-isptar Mater Dei.

Ritratti: The Malta Police Force