Tlieta mid-disa’ konsulenti tal-Papa rtiraw bl-età

Il-laqgħa tal-Kunsill tal-Kardinali li saret din il-ġimgħa fil-Vatikan

Id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Greg Burke, ħabbar li tliet membri mill-Kunsill tal-Kardinali li jagħti pariri lill-Papa, li hu kompost minn disa’ Kardinali, se jispiċċaw għal raġunijiet ta’ età.

Il-Kunsill iltaqa’ din il-ġimgħa u għalih kienu preżenti l-Kardinali Oscar Rodriquez Maradiaga, Reinhard Marx, Sean Patrick O’Malley, Giuseppe Bertello u osvald Gracias.  Il-kardinal Pietro Parolin ma setax jattendi għax kien qed jindirizza konferenza fil-Marokk.  Il-Papa Franġisku attenda wkoll għal-laqgħa ta’ tliet ijiem, fejn dan kien possibbli.

Fi tmiem il-laqgħa tal-Kunsill li saret f’Otturbu, il-Papa Franġisku, wara li kkunsidra l-età avanzata tal-Kardinali George Pell, Francisco Javier Errazuriz u Laurent Monsengwo Pasinya, irringrazzjahom tax-xogħol tagħhom tul il-ħames snin li għaddew.  Skont Greg Burke għalissa ma hemm il-ħsieb li dawn it-tliet kardinali jinħatru oħrajn flokhom.

Fil-laqgħa ta’ din il-ġimgħa,  il-kardinali konsulenti tal-Papa Franġisku ddiskutew diversi suġġetti fosthom il-Laqgħa għall-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali dwar il-“protezzjoni tal-minuri” li se ssir fi Frar u l-Kostituzzjoni Apostolika tal-Kurja Rumana.

Il-Kardinali tkellmu wkoll dwar id-Dikasteru tal-Komunikazzjoni. Dwar dan is-suġġett il-Papa ngħata proposta ġdida ntitolata “Predicate Evangelium” biex ikun jista’ jikkunsidraha.

Min-naħa tiegħu l-Kardinal Marx li jikkoordina l-Kunsill Ekonomiku tal-Knisja Kattolika tkellem dwar il-bżonn li titnaqqas l-ispiża għat-tmexxija tas-Santa Sede. L-akbar spiża hi dik tal-impjegati. Hu nsista li għandhom jinkitbu “job descriptions” għall-impjegati ta’ kull dikasteru biex ikun hemm aktar effiċjenza. Filwaqt li m’hemmx ħsieb li jitnaqqsu l-ħaddiema, fejn hu possibbli għandu jkun kunsidrat l-irtirar kmieni mix-xogħol. Qal li għandhom isiru baġits għal numru ta’ snin biex il-Kunsill Ekonomiku ikun jista’ jifformula tbassir għal perjodu bejn 5 u 10 snin biex ikun hemm idea aktar ċara tas-sitwazzjoni.

Il-Kunsill tal-Kardinal sema wkoll lil Dr. Paolo Ruffini mid-Dikasteru tal-Komunikazzjoni li wera kemm imxiet ir-riforma f’dan il-qasam u qal x’passi jridu jittieħdu biex jinġabru flimkien l-istituzzjonijiet kollha involuti biex ikun hemm tmexxija koordinata u kollaborazzjoni aktar effettiva bl-inklużjoni ta’ strumenti teknoloġiċi ġodda. Hu wera kif tista’ tkun garantita strateġija unitarja għall-komunikazzjoni tas-Santa Sede.

Laqgħa oħra tal-Kunsill tal-Kardinali, magħruf bħala C9, li issa se jsir C6 mistennija ssir bejn it-18 u l-20 ta’ Frar tas-sena d-dieħla.